Fid-disgħa u għoxrin ta’ Marzu tas-sena li għaddiet, għall-ħabta ta’ nofsinhar, fil-Kamra tal-Kontroll tal-Pulizija daħlet talba għall-għajnuna biex f’Ħad-Dingli tintbagħat l-assistenza, għax kien hemm mara f’xifer l-irdum, lesta biex ittemm ħajjitha.
Fi ftit minuti, waslu żewġ uffiċjali mit-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit, li bl-azzjoni immedjata tagħhom, ġiet salvata l-ħajjja ta’ din il-mara.
Dakinhar, ONE News kien irrapporta dan il-każ, li mill-ewwel inxtered fuq il-midja soċjali, bi kliem ta’ tifħir mill-pubbliku lejn l-uffiċjali li assistew biex tiġi salvata din il-ħajja.
Dawn l-uffiċjali huma l-Kuntistabbli Glen Vella u l-Kuntistabbli Joseph Ellul, li għadhom kemm ġew ippremjati għal dan l-att b’Ċertifikat ta’ Kommendazzjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija, f’ċerimonja ta’ premji lill-membri tal-Korp li ddistingwew ruħhom b’mod eċċezzjonali fil-qadi ta’ dmirijiethom matul is-sena li għaddiet.
Iltqajna magħhom f’Ta’ Kandja, fejn irrakkontawlna dak li esperjenzaw ma’ din il-mara.
“Il-call daħlet mill-control room tagħna li kien hemm persuna qiegħda fix-xifer tal-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli, peress li konna viċin assistejna aħna u n-nies irrimarkawlna fejn kienet il-persuna, rajna persuna ta’ sess femminili qiegħda bilqiegħda litteralment fix-xifer tal-irdum.”
“Dak il-ħin fi ftit sekondi ħadna deċiżjoni li noqorbu lejn dil-persuna u ngħinuha, bdejna nkellmuha bil-mod għax dehret aġitata ħafna, bdiet tibki kienet eżatt litteralment fit-tarf. Bdejna nkellmuha u bdejt noqrob lejha ftit ftit, pass pass, sakemm irnexxieli ndawwar idi magħha, ġbidtha lura bl-għajnuna tal-kollega tiegħi, ressaqniha lejn il-karozza f’post safe, għax l-irdumijiet mhumhiex safe – la għalina u lanqas għaliha, u ġibna l-għajnuna medika.”
Il-kuntistabbli Vella fisser kemm hija xi ħaġa imprezzabbli li ssalva ħajja.
“Il-Pulizija tagħmel minn kollox. Tiltaqa’ ma’ kollox u kultant ikun hemm persuni li jiġuhom mumenti ta’ ħin ħażin u jiddeċiedu li jagħmlu affarijiet li wara jiddispjaċihom, u jsibu Pulizija bħalna, li nzertajna dak il-ħin u rnexxielna nsalvaw ħajja, li hija xi ħaġa mill-isbaħ affarijiet li tista’ tagħmel f’ħajtek.”
Il-kuntistabbli Ellul tkellem magħna dwar ix-xogħol tat-Taqsima li jaħdem fiha hu, u appella għall-kooperazzjoni mill-pubbliku meta jinzerta xi vettura minn tagħhom għaddejja fit-triq.
“Ix-xogħol tal-RIU huwa xogħol ta’ first responders. Huwa xogħol li jidħol b’ċertu riskju, xogħol delikat. L-appell tiegħi lin-nies hu li meta jaraw vettura tagħna, bis-sirena għaddejja, kemm jista’ jkun, jersqulna mal-ġenb b’mod mill-aktar safe, biex aħna nkunu nistgħu nipproċedu għal inċidenti bħal dawn, li fejn għandek sekondi biss li tista’ tkun fatali.”
Iż-żewġ uffiċjali temmew l-intervista magħna billi appellaw għal aktar empatija fejn jidħlu każijiet ta’ saħħa mentali, għaliex minkejja li sar ħafna, xorta hemm bżonn aktar sensittività f’dawn il-każijiet.
Qalulna wkoll li bħalma hemm tobba partikolari li jirrispondu fuq każijiet ta’ emerġenza medika, għandu jkun hemm ukoll tobba speċifiċi li jieħdu ħsieb każijiet ta’ saħħa mentali, b’mod partikolari dawk ta’ attentat ta’ suwiċidju.