Għall-ewwel darba, l-Orkestra taż-Żgħażagħ fi ħdan l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ħadet sehem f’festival internazzjonali, bl-isem ta’ “Festival Orchestre Giovanili”.
Dan huwa avveniment annwali li jsir f’Firenze u l-bliet tal-madwar fl-Italja.
Fil-festival ta’ din is-sena ħadu sehem orkestri taż-żgħażagħ minn 13-il pajjiż minn madwar id-dinja u l-Orkestra taż-Żgħażagħ ta’ Malta kienet l-akbar waħda b’54 mużiċist u mużiċista.
L-orkestra Maltija daqqet żewġ kunċerti taħt il-bakketta ta’ Michael Laus.
Ftit mumenti qabel it-tieni kunċert, is-Surmast Michael Laus tenna kif din l-esperjenza ġdida tqanqal fih ħafna sodisfazzjon u anka f’Firenze rnexxielhom iġorru l-aspett Malti fil-mużika tagħhom.
Qal, “Din hija esperjenza ġdida għax l-ewwel tour li għamlu barra minn Malta l-Orkestra taż-Żgħażagħ Nazzjonali ta’ Malta. Għalihom hija esperjenza sabiħa. Nista’ ngħid anka għalija li nivvjaġġa u nagħmel mużika ma’ dawn iż-żgħażagħ hija esperjenza verament sabiħa li nħossha ttini ħafna. Ħa nagħmlu repertorju varjat ħafna. Ovjament addattat għal dan l-ambjent li huwa sajfi u ambjent ta’ vaganza biex ngħid hekk però ġibna wkoll kompożizzjonjiet Maltin.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Vanessa Mangion tenniet li din l-esperjenza għandha tgħin liż-żgħażagħ ikomplu jkabbru l-iżvilupp mużikali tagħhom.
Qalet, “Din ħa tgħinhom iktar ikabbru l-professjonalità tagħhom u iktar tkabbrilhom l-aspettativi u ir-reżiljenza fejn jidħlu ċertu biżgħat mużikali u tagħmel iktar ’il quddiem għall-orkestra tagħna, iktar sostenibbli għax ikun hemm iktar mużiċisti minn fejn jintagħżlu.”