Il-judoka maltija Katryna Esposito ġiet eliminata mill-kompetizzjoni tan-nisa ta’ taħt it-48kg meta tilfet kontra Bavuudorjiin Baasankhüü tal-Mongolia. Il-ġlieda kienet mir-round ta’ 32 u ta’ nota l-fatt li Bavuudorjiin Baasankhüü hija ċ-champion tad-dinja wara li rebħet id-deheb ftiti tax-xhur ilu fil-kampjonat tad-dinja f’Abu Dhabi.
Minkejja dan Esposito, li kienet qed tagħmel id-debutt tagħha fil-logħob olimpiku, offriet sfida lill-avversarja.
Minkejja wazari tal-avversarja fil-bidu tal-ġlieda, Esposito xorta żammet kalma. F’mument minnhom il-judoka mill-Mongolia dehret nervuża tant li wettqet żewġ penalitajiet u kienet anke penalita’ ‘l bogħod minn telfa.
Iżda l-esperjenza lagħbet parti important, b’ Bavuudorjiin Baasankhüü jirnexxielha tirbaħ il-konfront mal-maltija bit-tieni wazari u ippon.
L-atleta malti li jmissu jidħol fl-azzjoni huwa Gianluca Chetcuti fl-isparar Trap nhar it-Tnejn u t-Tlieta.
(Photo Credit: AFP)