Id-dħul medju għan-nisa fuq il-post tax-xogħol qed jiżdied b’rata mgħaġġla kull sena. Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Ir-rapport juri li l-paga fl-2022 kienet tvarja minn ftit aktar minn tnejn u għoxrin elf ewro għall-irġiel u aktar minn dsatax-il elf u sitt mitt ewro għan-nisa. Dan jindika differenza ta’ kważi elfejn u ħames mitt ewro fis-sena bejn il-paga tal-irġiel u dik tan-nisa.
Għalkemm dan juri diskrepanza fil-pagi medji bejn in-nisa u l-irġiel, il-paga medja għan-nisa baqgħet tiżdied b’aktar minn €2,000 kull sena fuq bejn l-2020 u l-2022.
Ir-rapport tal-NSO juri li din id-diskrepanza bejn il-paga annwali tal-irġiel u tan-nisa kienet l-akbar fl-2020 meta l-paga medja tal-irġiel kienet €20,068, waqt li dik għan-nisa kienet ta’ €17,479. Dan wassal biex, fl-2020, il-paga bażika annwali fil-pajjiż kienet ta’ €18,945.
Mitluba tikkummenta dwar dan minn ONE News, il-Kummissarju Renee Laiviera, li tmexxi l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, l-NCPE, spjegat li pajjiżna qed ikompli miexi b’pass qawwi lejn l-ugwaljanza fil-pagi f’pajjiżna.
Spjegat li dan il-progress ġej grazzi għal għexieren ta’ inċentivi li l-Gvern introduċa matul is-snin.
“Il-miżuri li, ngħidulhom aħna l-work life balance, l-aktar waħda kienet il-free childcare. Dik kienet l-aktar miżura li ilha għaxar snin issa, li inkoraġġiet u appoġġjat lin-nisa biex jidħlu lura għax-xogħol u fil-fatt rajna perċentwal għoli ta’ nisa li daħlu lura. Jiġifieri dawk żgur. Imbagħad żdied il-paternity leave, il-carers leave. Dawn huma leave li jgħinu dejjem.”
Renee Laiviera – Kummissarju NCPE
Laiviera rrimarkat li hemm bżonn aktar inkoraġġiment għall-missirijiet ukoll biex anke huma jinċentivaw irwieħhom u jagħtu l-aqwa appoġġ lill-familja tagħhom.
“Biex il-mara verament u r-raġel ikunu ugwali, iridu jkunu ugwali kullimkien mhux fuq il-post tax-xogħol biss. Nafu li n-nisa jieħdu r-reduced hours, pereżempju, li hu tajjeb għax jgħinhom. Però qed jonqos l-introjtu tagħhom, il-pensjoni tagħhom aktar ’il quddiem ħa tkun aktar baxxa. Allura rridu ninkoraġġixu miżuri oħrajn lill-irġiel biex huma wkoll jagħtu appoġġ sew fil-familja, biex, imbagħad, it-tnejn li huma jgawdu minn dawn il-benefiċċji.”
Renee Laiviera – Kummissarju NCPE
Sadanittant is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, tkellmet dwar miżura oħra ġdida, li mistennija tgħin f’dan ir-rigward, dik tal-‘Equal Pay for Work of Equal Value’ għas-settur privat mill-bidu tas-sena d-dieħla.
Hi tenniet li din il-miżura tgħaddi messaġġ ċar ta’ ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol.
“Mhuwiex aċċettabbli li inti min inti, jekk intix mara jew raġel, titħallas b’mod differenti għal xogħol tal-istess valur fl-aħħar mill-aħħar. Allura għaldaqstant bħala Gvern nidejna wkoll l-equal pay tool li tgħinek biex organizzazzjonijiet jiċċekkjaw dawn id-diskrepanzi u jindirizzawhom bl-aktar mod effettiv. Iżda aktar minn hekk qed nibgħatu messaġġ ċar li, bħala Gvern, ma naqblux ma’ din is-sitwazzjoni, iżda qed nagħmlu dak kollu possibbli biex naraw li kull persuna tiġi ttrattata bl-istess mod fuq il-post tax-xogħol.”
Rebecca Buttigieg – Segretarju Parlamentari