Titjiriet mill-Ajruport prinċipali ta’ Frankfurt, fil-Ġermanja, spiċċaw jitħassru wara li dimostranti favur it-tibdil fil-klima rnexxielhom jidħlu fir-runway u jinkollaw lilhom infushom fuq ir-runways.
Iġorru strixxuni f’idejhom, li jgħidu ‘Oil Kills’, kontra t-tniġġis mill-ajruplani, il-protestanti waqqfu kompletament mal-140 titjira f’dan l-aktar ajruport traffikuż fil-pajjiż, skont il-midja internazzjonali.
Pajjiżna wkoll intlaqat minn dan it-tħarbit fl-iskeda tat-titjiriet mill-belt Ġermaniża.
Fil-fatt, kelliema għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ikkonfermat li t-tliet titjiriet skedati minn jew lejn Frankfurt ilbieraħ kellhom dewmien sinifikanti jew saħansitra t-titjira ma seħħitx.
It-titjiriet LH1313 u LH1277 minn Malta lejn Frankfurt esperjenzaw dewmien. Tal-ewwel, li kellha titlaq fis-5.55 ta’ filgħodu, spiċċat telqet erba’ sigħat tard, waqt li tal-aħħar, skedata għan-nofs siegħa ta’ waranofsinhar, ittardjat b’siegħa.
It-titjira LH1276, li kellha titlaq minn Frankfurt, tħassret kompletament.
Protesti simili għal dawk, li saru fi Frankfurt, saru f’pajjiżi oħrajn Ewropej, fosthom fir-Renju Unit, in-Norveġja, l-Iżvizzera, Spanja u l-Finlandja, fejn ukoll ġew arrestati għadd ta’ dimostranti.
L-awtoritajiet Ġermaniżi issa qed jinsistu għal aktar sigurtà fl-ajruporti, waqt li l-Ministru għall-Intern Ġermaniża, Nancy Faeser, qalet li dawn il-protesti huma “kriminali, perikolużi u stupidi”.
Il-Ġermanja saħansitra qed tibdel il-liġi biex ikun hemm sentenzi u pieni aktar ħorox f’dan ir-rigward, minflok biss multa kif inhi bħalissa.
Minkejja dan, u anke jekk il-ġimgħa l-oħra għadd ta’ attivisti mill-grupp Just Stop Oil ingħataw sentenzi rekord ta’ priġunerija fir-Renju Unit, il-grupp xorta ddikjara li se jibqa’ jipprotesta f’dan ir-rigward.