Ġie inawgurat proġett ieħor ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-lokalità tal-Qrendi, bħala parti mill-pjani tal-Gvern li imbarka fuqhom fl-aħħar snin biex itejjeb il-qagħda ta’ diversi familji vulnerabbli.
Din l-akkomodazzjoni soċjali l-ġdida se tkun qed tipprovdi residenza lil sitta u għoxrin familja oħra wara investiment ta’ ftit inqas minn erba’ miljun ewro.
Il-Ġimgħa filgħodu l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, qal li dan hu investiment sostanzjali fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali, li se jkompli jitwettaq fiż-żmien li ġej biex iżjed familji jiġu pprovduti b’ambjent sigur u dinjituż fejn ikunu jistgħu jgħollu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Tenna li jħares ’il quddiem biex titkompla l-ħidma fuq proġetti ta’ dan it-tip.
“Se nkomplu bil-proġetti tal-akkomodazzjoni soċjali, għax aħna bħala Gvern li nwegħdu nwettquh. Jekk għedna lin-nies li se noħolqu aktar akkomodazzjoni soċjali, din hi intiża biex ngħinu lill-familji vulnerabbli tagħna. Illum mhux biss qed naraw dawn l-appartamenti l-ġodda, imma wkoll fil-ġimgħat li ġejjin dan l-Gvern se jkompli jaħdem qatigħ biex iwettaq dak li wiegħed fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista.”
Il-Ministru Roderick Galdes
Il-binja l-ġdida fil-Qrendi tipprovdi wkoll għoxrin garaxx minbarra r-residenzi.
Dan il-proġett hu t-tieni minn tlieta ta’ akkomodazzjoni soċjali ġodda li se jkunu qed jinħolqu f’din il-lokalità, wara li l-ewwel proġett bi ħdax-il residenza ġie inawgurat f’Diċembru li għadda.