L-investiment soċjali, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, kiber bi kważi tnejn u disgħin miljun ewro għal aktar minn seba’ mija u tnejn u sebgħin miljun.
Dan kien l-akbar investiment ta’ kull żmien li qatt sar f’pajjiżna, bl-akbar żieda li qatt ġiet irreġistrata għal dan il-perjodu. Biss biss, l-investiment fuq pensjonijiet u benefiċċji soċjali fl-ewwel sitt xhur tas-sena, kien kważi daqs it-total ta’ sena sħiħa fl-elfejn u tnax, l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista.
Dan ifisser li l-investiment soċjali sal-aħħar ta’ din is-sena, se jkun kważi rdoppja fuq tnax-il sena ilu.
Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, urew li l-investiment totali fuq benefiċċji kontributorji u dawk mhux kontributorji, bejn Jannar u Ġunju, żdied bi tlettax punt erbgħa fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Il-pagamenti f’benefiċċji kontributorji, inkluż il-pensjonijiet, żdiedu b’aktar minn sitta u ħamsin miljun ewro, għal total ta’ sitt mija u ħames miljuni.
Pensjonanti tal-irtirar, tal-invalidità u tar-romol kienu l-akbar benefiċċjarji. Bejniethom tħallsu aktar minn ħames mija u ħamsa u għoxrin miljun ewro bħala pensjoni, flimkien ma’ tnejn u sebgħin miljun ewro oħra bħala bonus li jirċievu mal-pensjoni.
Dan kien primarjament dovut għaż-żieda ta’ ħmistax-il ewro fil-ġimgħa fir-rati tal-pensjonijiet tas-sigurtà soċjali u għall-aġġustament tal-Ogħla Dħul Pensjonabbli, li daħal fis-seħħ din is-sena għall-pensjoni tal-irtirar u tar-romol ta’ eluf ta’ persuni li twieldu qabel l-elf, disa’ mija u tnejn u sittin.
Fost l-investiment f’benefiċċji soċjali, kien hemm dak immirat lejn tfal fil-familja u studenti f’tagħlim Post-Sekondarju.
Kien hekk ukoll il-benefiċċju addizzjonali għall-għoli tal-ħajja biex jagħmel tajjeb għall-effetti tal-inflazzjoni. Dan il-benefiċċju ħaduh mal-mitejn elf persuna, li bejniethom ħadu aktar minn tmintax-il miljun ewro.
Quddiem dawn iċ-ċifri, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jħoss il-polz tan-nies u jmexxi politika li tħalli aktar flus fil-but, filwaqt li twieżen lil min jiflaħ l-inqas.
Stqarr, “Aħna minn dejjem konna Gvern b’ruħ soċjali qawwija u llum qed nagħtu l-akbar prova, fejn qed naraw li l-investiment soċjali f’pajjiżna rdoppja fuq dak li kien tnax-il sena ilu. Dak hu mpenn li kellna, li għandna u li se jibqa’ jkollna għall-futur. Inkunu hemm biex ngħinu lil kulħadd fis-soċjetà tagħna, partikolarment dawk li l-aktar ikollhom bżonn.”