Ċipru qed jitħabat biex isostni l-industrija turistika tiegħu, li timpjega direttament mat-53,000 persuna jew ħdax fil-mija tal-ħaddiema kollha fil-pajjiż. Tnaqqis sinifikanti fil-bookings tat-turisti din is-sena fuq l-2023, qed joħloq paniku fost il-lukandieri fuq il-gżira-stat fl-Unjoni Ewropea.
Bil-maqlub ta’ pajjiżna, li hu antiċipat li se jerġa’ jkollu rekord ġdid fit-turiżmu, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi f’Ċipru, Thanos Michaelides, qal li s-sitwazzjoni attwali se twassal għal telf ta’ madwar tletin miljun ewro fl-industrija.
Waqt li jattribwixxi dan għal diversi raġunijiet, fosthom in-nuqqas ta’ viżibilità u promozzjoni tal-gżira fi bliet ewlenin Ewropej, inqas titjiriet konnessi mal-gżira minn swieq potenzjali, u l-ekonomija staġnata fir-Renju Unit, wieħed mill-akbar swieq li jiddependu fuqu, Michaelides jisħaq li l-pajjiż diġà esperjenza mal-150,000 inqas turisti s’issa meta mqabbel mas-sena l-oħra.
Ma’ dan, il-Gwerra fl-Ukrajna u l-konflitt fil-Medda ta’ Gaza mhumiex jgħinu lanqas. Qed jiġi rrapportat ukoll li l-falliment tat-tielet l-akbar operatur Ġermaniż għamel is-sitwazzjoni agħar għal dawk li l-għajxien tagħhom f’Ċipru jiddependi fuq il-wasliet ta’ turisti minn dan il-pajjiż fiċ-ċentru tal-Ewropa.
Ċipru esperjenza l-ewwel waqgħa fit-turisti f’Mejju li għadda, bl-esperti fl-industrija jistmaw li l-2024 se tara tnaqqis drastiku fid-dħul tan-negozji li jiddependu mis-settur.
Michaelides enfasizza fuq il-fatt li s-settur għandu jissaħħaħ anke fix-xhur iżjed kwieti biex tingħata imbottatura lill-operazzjonijiet is-sena kollha. Minkejja dan, itenni li hemm numru kbir ta’ sfidi x’jiġu indirizzati, mhux l-inqas in-nuqqas ta’ ħaddiema speċjalizzati, minn kokijiet għal professjonisti tal-IT sa avukati u inġinieri.
F’Malta, anke jekk in-nuqqas ta’ ħaddiema tibqa’ sfida ewlenija, il-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, investa, permezz tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, f’taħriġ u skrutinju intensiv lil dawk li jixtiequ jaħdmu fis-settur, inkluż barranin.
Minbarra hekk, grazzi għal investimenti diretti barranin, anke mil-linji prinċipali, bħal Ryanair, Lufthansa u Easyjet, flimkien mal-linja nazzjonali KM Malta Airlines, pajjiżna għandu waħda mill-akbar konnessjonijiet mal-ibliet ewlenin Ewropej.
Differenti wkoll mill-bqija fl-Unjoni Ewropea, Malta żammet ekonomija stabbli u qed tirreġistra l-akbar tkabbir minn fost is-27 stat membru.