Il-Prim Ministru ta reazzjoni mat-Times għad-deċiżjoni tal-Erbgħa filgħodu mill-Qorti li poġġiet taħt att t’akkuża lil Chris Fearne, Edward Scicluna u tnax-il persuna oħra.
Imbagħad il-Prim Ministru spjega li se jibda proċess ta’ ħatra ta’ Deputati Mexxejja għall-Affarijiet tal-Parlament u tal-Partit fejn l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista ħa deċiżjoni biex issir votazzjoni nhar it-13 u l-14 ta’ Settembru, bis-7 ta’ Settembru jkun jum dedikat għall-votazzjoni bikrija.
Qal li naturalment issa jiftaħ proċess ta’ nomini.
B’rabta mad-deċiżjoni tal-Qorti, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq il-preżunzjoni tal-innoċenza li għadha hemm u nnota li d-deċiżjoni tal-Qorti ma tfisser l-ebda sejbien ta’ ħtija.
Minkejja dan kollu, meta kien qed jitkellem dwar Chris Fearne, qal li d-deċiżjoni xorta għalih hi ta’ dispjaċir għaliex kien qed jittama li Fearne jkun in-nominat ta’ Malta għal Kummissarju Ewropew.
Dr Abela qal li sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa se jkun qed iħabbar in-nominat ta’ Malta ta’ pajjiżna għal Kummissarju Ewropew.
F’kummenti mat-Times, il-Prim Ministru Robert Abela qal li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jikteb lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen bl-isem tal-persuna nominata mill-Gvern Malti għal Kummissarju Ewropew.
Qal li fi Chris Fearne dejjem sab spalla mhux biss waqt pandemija imma dwar kif ħadem b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet u l-fiduċja tiegħu fih jekk mhux issaħħet iżjed għax jaf kif ħadem Chris Fearne.
Il-Prim Ministru spjega li d-deċiżjoni tal-Maġistrat dwar prima facie tiġi anki minn grad baxx ta’ raġunijiet ta’ prova u mhux fatti, kif fil-fatt semma l-Maġistrat fid-deċiżjoni li ta l-Erbgħa filgħodu.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-irġulija ta’ Chris Fearne anki wara d-deċiżjoni tal-Qorti fil-jum tal-Erbgħa.
Mistoqsi mit-Times dwar ħatriet ġodda fil-Kabinett, il-Prim Ministru spjega li dawn dejjem ikunu iddettati mill-interess nazzjonali u meta mistoqsi dwar il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Edward Scicluna, Dr Abela rrimarka wkoll dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza iżda fakkar li l-Professur Scicluna qed jokkupa kariga f’settur sensittiv immens.
Il-Prim Ministru li sa issa kellna tliet stadji jiġifieri l-proces verbal bil-preżentazzjoni tal-inkjesta għand l-Avukat Ġenerali, il-ħruġ tal-akkużi u issa l-istadju tal-prima facie.
Qal li bl-istadju li ninsabu fih ifisser li dan jista’ jtawwal xhur jekk mhux is-snin u allura d-domanda tqum jekk il-Bank Ċentrali jistax jiġi mmexxi minn Gvernatur li minkejja għandu preżunzjoni tal-innoċenza, id-digriet hu dak li hu u l-inkjesta titkellem dwar kuntest tal-involviment jew in-nuqqas involviment tiegħu.
Dr Abela saħaq li jemmen li l-eżempju li ffissaw fosthom Chris Fearne għandu jwassal biex jirrenja l-bon sens u l-interess tas-settur partikolari u dak nazzjonali.