L-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista ddeċieda d-dati tal-Konferenza Ġenerali li fiha se jsiru l-elezzjonijiet għall-karigi ta’ Deputati Mexxejja u ħatriet oħra fl-amministrazzjoni tal-Partit Laburista. Din il-Konferenza Ġenerali se titlaqqa’ fid-dati ta’ bejn it-13 u l-15 ta’ Settembru li ġej.
Fit-13 ta’ Settembru se jsiru l-elezzjonijiet għal Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista u membri oħra tal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, b’dawn se jkunu eletti mill-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista.
F’każ li għal elezzjoni tad-Deputati Mexxejja jkun hemm iktar minn żewġ kandidati u ħadd ma jġib iktar minn 50%+1 tal-voti, it-tieni votazzjoni bejn l-iktar żewġ kandidati li ġabu voti ssir fl-14 ta’ Settembru. Il-votazzjoni bikrija għal min mhux se jkun jista’ jivvota fid-data tat-13 ta’ Settembru se ssir nhar is-Sibt 7 ta’ Settembru.
Il-karigi fl-amministrazzjoni eletti mill-Konferenza Ġenerali huma dawk ta’ President, Viċi-President, Segretarju Internazzjonali u Segretarju Organizzattiv. Se jsiru wkoll l-elezzjonijiet għat-12-il membru ordinarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali, skont kif jistipula l-istatut tal-Partit Laburista.
In-nominazzjonijiet għal karigi kollha se jinfetħu nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Awwissu u jibqgħu miftuħin sal-25 ta’ Awwissu.
L-elezzjonijiet jitmexxew mill-Kummisjoni Elettorali tal-Partit Laburista. Il-Konferenza Ġenerali tagħlaq il-Ħadd 15 ta’ Settembru b’diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela.