L-aġenzija Aquatic Resources Malta, ARM fil-qasir, bdiet bil-ħidma tagħha riċentament fejn tidħol riċerka marittima. Minkejja li għadha fil-bidu tagħha, din diġà attirat l-attenzjoni mhux biss lokalment, iżda anke f’livell internazzjonali.
Dan jixhdu programm televiżiv, li xxandar mill-istazzjon televiżiv internazzjonali Euronews, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, li għażlet lil Malta, partikolarment lill-ARM, biex tippromwovi l-prattiċi tajbin li l-aġenzija qiegħda twettaq.
L-Aquatic Resources Malta taħdem mill-qrib mas-sajjieda lokali biex jiġbru dejta kruċjali dwar l-ibħra Maltin. Din is-sħubija tgħin biex jiġu ppriservati l-istokkijiet tal-ħut u l-ekosistema tal-baħar.
Fil-programm miġbud f’diversi nħawi madwar pajjiżna jissemmew diversi spunti dwar kif l-ARM diġà qed tħalli l-impatt ambjentali tagħha fejn jidħol it-tisħiħ u l-konservazzjoni tal-ibħra u l-ekosistema tagħhom, fosthom b’diversi proġetti ta’ riċerka.
Fost l-intervisti li saru fil-programm, tkellmet is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Sajd u l-Akkwakultura, Alicia Bugeja Said, u l-Kap Eżekuttiv ta’ din l-aġenzija, Frank Fabri.
Is-Segretarju Parlamentari tenniet li ARM għandha l-għan li tindirizza diversi sfidi billi trawwem il-fiduċja bejn is-sajjieda u dawk li jfasslu l-politika. Billi jifhem il-ħtiġijiet varji tas-sajjieda, speċjalment dawk fuq skala żgħira, il-Gvern jista’ jimplimenta strateġiji aktar effettivi.
Min-naħa tiegħu, Frank Fabri, tkellem ukoll dwar il-viżjoni li għandu għal din l-aġenzija fejn semma l-progress li sar fi żmien qasir sa mit-tnissil tagħha.
Qal, “Għalina hu ta’ sodisfazzjon kbir ħafna. Hu ta’ unur għall-aġenzija. Hu ta’ unur għal pajjiżna wkoll. Malta, minkejja li hi ċkejkna, minkejja li l-aġenzija hi fil-bidu tagħha, però rnexxielna nattiraw l-attenzjoni tal-Unjoni Ewropea biex jiġi ddokumentat dan kollu. Dan hu mertu tal-ħidma għaqlija u kapaċi u kompetenti tal-impjegati, tax-xjenzati li huma impjegati fl-Aquatic Resources Malta.”