Mat-tokki tal-ħamsa ta’ waranofshinar, kif skedat, l-MSC World Europa nqala’ mix-shore-to-ship fil-Port il-Kbir u beda jsalpa biex iħalli pajjiżna. Hawn, iżda, il-kaptana barranin tal-cruiseliner ikollhom iċedu t-tmun tal-bastiment enormi u jħalluh kompletament f’idejn il-kaptana lokali, li jridu jkunu huma li jinnavigawh ’il barra mill-port fi ftit minuti.
Imbagħad, fl-istess ħin li l-vapur ikun għadu miexi, il-baħrin fuq il-cruiseliner jibdew iħejju għall-inżul tal-kaptana lokali biex jirritornaw fuq l-art.
Kif juru l-filmati tagħna, appena l-cruiseliner jaqbeż il-breakwater, it-tugboat trekken mal-bastiment biex tilqa’ lill-kaptana Maltin, hekk kif xogħolhom hawn ikun lest.
Proprju eżatt wara li niżel minn fuq il-cruiseliner, ħadna l-kumment tal-Kaptan Charles Scicluna, li jifforma parti mill-Koperattiva Maltija għall-Piloti Marittimi.
Hu spjegalna għalxiex dan iseħħ kull darba li jidħol jew joħroġ bastiment ta’ dan it-tip.
“Bil-liġi, vapuri, bl-eċċezzjoni tal-jottijiet u l-vapuri tal-gwerra li jkunu aktar minn gross tonnage ta’ 500, iridu jieħdu pilota. Aħna naħsbu għal dan is-servizz 24/7 u li jkun hemm bżonn noħorġu u ndaħħlu l-vapuri kemm hawn u anke fil-port ta’ Marsaxlokk.”
Scicluna żied jispjega l-proċess u li dan isir minħabba s-sigurtà tal-port.
“Waħda li niggwidaw lill-kaptan fil-port u barra, għax nafu l-perikli lokali, l-irjieħat, kurrenti, allura l-kaptan ikollu bżonn l-assistenza tagħna biex niggwidawh. Oħra hi li nipproteġu l-port. Peress li l-kaptan jara, min-naħa tiegħu, l-att kummerċjali, eżempju jekk ikun il-maltemp ma jkunx irid jieħu tugboat biex tassisith u aħna nħossu biex ikun hemm ċerta safety fil-port, nobbligaw li jieħu tugboat biex l-affarijiet jimxu kif suppost.”
Il-Kaptan żied jgħidilna li, għal dan ix-xogħol, mhemmx staġuni u l-istess jagħmlu anke meta l-baħar ikun imqalleb, fejn f’dawn il-mumenti huma jiltaqgħu ovvjament ma’ ferm aktar sfidi miż-żminijiet tal-lum.