Numru sabiħ ta’ tfal minn pajjiżi barranin ġew imqabbla ma’ persuni Maltin, u qegħdin fil-proċess li jigu adottati, minn ġenituri prospettivi Maltin. Dawn jinkludu: Tliet adozzjonijiet mis-Slovakkja, adozzjoni waħda mir-Russja; disa’ adozzjonijiet mill-Portugal, u sbatax-il adozzjoni mill-Indja.
Pajjiżna laħaq ukoll ftehim li jippermetti ġenituri Maltin jaddottaw mill-Vjetnam u l-Kambodja – il-Ministru Michael Farrugia spjega li b’rabta ma’ dan il-ftehim bħalissa pajjiżna qiegħed fil-proċess biex tiġi finalizzata l-akkreditazzjoni minn aġenzija tal-adozzjoni.
Iżda dan ma kienx l-unika ftehim, hekk kif maċ-Ċili ntlaħaq ftehim verbali u l-adozzjonijiet minn dan il-pajjiż huma miftuħa.
Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet li jinsabu fi stadju avvanzat mal-Polonja, kif ukoll diskussjonijiet preliminari mal-Latvja, ir-Repubblika Ċeka u l-Brazil.
Bejn Jannar 2016 u Dicembru 2016, ġew addottati sitt itfal minn genituri adottivi Maltin minn pajjiżi barranin. Filfatt saru:
- Tliet adozzjonijiet mill-Islovakkja
- Adozzjoni waħda mill-Albanija
- Adozzjoni waħda mir-Russja
- Adozzjoni waħda mill-Indja
Il-bidu tas-sena rat adozzjonijiet ġodda dan hekk kif mill-bidu ta’ Jannar sal-ġurnata tal-lum ġew konklużi tliet adozzjonijiet mill-Islovakkja kif ukoll erba’ adozzjonijiet mill-Indja.