Il-kumpanija Microsoft waħħlet fl-Unjoni Ewropea għall-akbar qtugħ fl-IT li qatt seħħ fl-istorja globali l-ġimgħa l-oħra, wara li update fis-software tagħha wassal għall-ħsarat, li staġnaw l-operat ta’ diversi kumpaniji, inkluż linji tal-ajru u ajruporti, bil-konsegwenza li eluf ta’ titjiriet spiċċaw tħassru.
Ftehim tal-elfejn u disgħa, li kien sar fuq insistenza tal-Kummissjoni Ewropea, fisser li l-Microsoft ma setgħetx tagħmel bidliet fis-sistemi tas-sigurtà li kienu jimblokkaw updates difettużi, bħal dak tal-kumpanija Crowdstrike nhar il-Ġimgħa li għadda.
Dan wassal biex id-dinja ntlaqtet mill-ħsarat fis-sistemi diġitali mqabbdin man-netwerk tal-kumpanija Microsoft, li kawża tagħhom ġew milquta mat-tmien miljuni u ħames mitt elf kompjuter madwar id-dinja.
Dan filwaqt li eluf ta’ titjiriet esperjenzaw dewmien jew saħansitra tħassru, b’eluf ta’ passiġġieri jispiċċaw maqbudin jistennew għal ħinijiet twal fl-ajruporti, kif ġara anke fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Is-sit Euronews irrapporta li l-Kummissjoni Ewropea ilha takkuża lill-Microsoft mill-bidu tas-snin elfejn, li għandha vantaġġ inġust fuq kumpaniji oħrajn minħabba s-software popolari tal-Windows.
L-akbar kompetitur ta’ Microsoft, Apple, kien imblokka xi aċċessi lura fl-elfejn u għoxrin fuq kompjuters tal-Mac, biex isaħħaħ is-sigurtà u l-affidabbiltà.
Iżda kelliem għall-Microsoft qal li l-kumpanija ma setgħetx tagħmel bidliet simili minħabba l-imsemmi ftehim Ewropew.
Minkejja li ntlaqtu aktar minn tmin miljun kompjuter bil-ħsara, jirriżulta li dawn huma inqas minn wieħed fil-mija tal-apparat kollu li juża tali software. Minkejja dan, l-impatt kien kbir u globali.
Crowdstrike qalet li “numru sinifikanti” tal-kompjuters affettwati jinsabu lura online, waqt li skużat ruħha għal dak li ġara.
Taħt l-Att il-ġdid tas-Swieq Diġitali, l-Ewropa preżentament qed tipprova tisforza lill-Apple tippermetti li l-iPhones jużaw app stores u web browsers alternattivi.