Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, kellu laqgħa mat-taqsima tar-real estate fi ħdan l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżvilupp, l-MDA, fejn fiha ddiskutew l-implimentazzjoni tal-liġi li kienet approvata unanimament fil-Parlament, dwar it-twaqqif ta’ Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà.
Preżenti wkoll għal din il-laqgħa kien hemm iċ-Chairman tal-Bord tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Proprjetà, Dr Ian Borg, u l-President tal-MDA, Michael Stivala, fost oħrajn.
Din il-laqgħa serviet biex titwitta t-triq għall-ħidma meħtieġa li trid issir fuq diversi aspetti li joħorġu mil-liġi l-ġdida. Minbarra hekk, l-Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà se tkun imwaqqfa bil-għan li taġixxi ta’ entità regolatorja dwar l-intermedjarji tal-proprjetà billi se tkun qed tassumi wkoll il-funzjonijiet imwettqa s’issa mill-Bord tal-Ħruġ tal-Liċenzji.
Min-naħa tiegħu, il-kap tas-sezzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà fi ħdan l-MDA, Michael Bonello, qal li jemmen li dawn il-laqgħat huma importanti ħafna u ddeskriva l-laqgħa bħala pass ieħor ’il quddiem fit-triq it-tajba lejn l-implimentazzjoni tat-twaqqif tal-aġenzija.
“Dawn il-meetings li qed iseħħu huma importanti ħafna li ningħaqdu aħna, il-Gvern, l-MDA u dan il-bord il-ġdid. Inħoss li qed nimxu dejjem pass ’il quddiem, għad fadlilna daqsxejn x’naħdmu, imma nemmen li qegħdin fuq it-triq it-tajba u llum għamilna daqsxejn ftehim fuq affarijiet ġodda u nħoss li erġajna mxejna pass ’il quddiem.”
MDA
Il-Ministru Attard stqarr kif, għalkemm il-funzjoni primarja ta’ din l-aġenzija hi waħda regolatorja, se jkollha wkoll ir-rwol li tippromwovi l-komunikazzjoni u l-kordinazzjoni effettiva bejn entitajiet tal-Gvern u dawk privati involuti fis-settur tal-proprjetà.
Ma’ dan, qal kif minn issa jridu jibdew id-diskussjonijiet bejn il-partijiet biex ikun assigurat li tiġi immassimizzata l-għodda li qed tipprovdi din il-liġi, mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tfassil u aġġornament tal-politika, imma wkoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ programmi edukattivi u analiżi tad-dejta li tkun disponibbli fis-settur.
“Wara li l-Parlament Malti approva b’mod unanimu l-liġi dwar it-twaqqif tal-Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà, liema liġi kienet imsejsa fuq il-konsultazzjoni mal-istakeholders, issa qed naraw ukoll li l-implimentazzjoni tagħha issir bi djalogu mal-istakeholders. Għalhekk, issoktajna bil-laqgħat, fosthom mal-MDA, biex naraw kif, fiż-żmien li ġej, din il-liġi tiġi implimentata ħalli tgħolli l-istandard fis-settur u fuq kollox tagħti aktar serħan il-moħħ lil min qiegħed ibigħ u min qiegħed jixtri proprjetà f’pajjiżna.”
Jonathan Attard – Ministru