Kunsill ġdid b’maġġoranza Nazzjonalista fil-Mosta, li mix-xahar li għadda beda jitmexxa mis-Sindku Joe Gatt, iddeċieda li, bla konsultazzjoni ta’ xejn, iressaq riżoluzzjoni biex jibdel żona pedonali fil-qalba tal-lokal, li fl-aħħar ġimgħat bdiet titgawda mill-familji fi tmiem il-ġimgħa, terġa’ tinfetaħ mill-ġdid kontinwament għat-traffiku.
Ħabbar dan iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef li, fuq Facebook, innota kif din id-deċiżjoni tikkonferma l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista.
Kunsill preċedenti fil-Mosta, li kien immexxi mis-Sindku Laburista Chris Grech, kien ħaseb biex il-proġett massiċċ tal-pjazza u l-madwar, li ġie kkordinat flimkien mal-Gvern u l-entitajiet tiegħu, jara li din tkun kompletament aċċessibbli għan-nies mis-Sibt filgħaxija sal-għada l-Ħadd ġurnata kollha.
Il-proġett, li ġie inawgurat fil-5 ta’ Ġunju li għadda mill-Prim Ministru Robert Abela, ra l-pjazza tal-lokal, li tattira wkoll eluf ta’ turisti kull sena, tiġi ristrutturata kompletament b’investiment multi-miljunarju u b’tibdil tas-sistemi kollha ta’ taħt l-art, inkluż għall-ilma tax-xita, u tqassim infrastrutturali aħjar kif kien ilu mixtieq għal għexieren ta’ snin.
Issa, flok il-pjazza titgawda bl-aħjar mod, almenu fi tmiem il-ġimgħa, il-Kunsill Nazzjonalista jrid jerġa’ jdawwar ta’ taħt fuq il-miżura fejn familji Mostin u dawk li jżuru l-lokal, setgħu jgawdu żona mdaqqsa mingħajr konġestjoni tat-traffiku.
Id-deċiżjoni kompliet tikxef l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista, li anke qabel l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fit-8 ta’ Ġunju li għadda pprova jagħti l-impressjoni li hu favur l-ambjent u l-ispazji pubbliċi jew meta jwiegħed li jrid ikun qrib il-komunitajiet.
Jirriżulta li d-deċiżjoni dwar ir-riżoluzzjoni Nazzjonalista mistennija tittieħed f’Ottubru li ġej.