Il-President Amerikan Joe Biden irtira mit-tellieqa tal-elezzjoni Presidenzjali tal-Istati Uniti ta’ din is-sena.
Minflok issa, irid jintagħżel Demokratiku ieħor biex jaffaċċja lir-Repubblikan, Donald Trump, fit-tiġrija ta’ Novembru, li diġà kienet immarkata b’mumenti ta’ tensjoni u qasmiet, fosthom anki attentat fuq il-ħajja ta’ Trump.
Fi stqarrija minn Biden, il-President Amerikan kiteb li kien l-akbar unur ta’ ħajtu biex iservi lill-Amerikani.
Qal ukoll li minkejja li kienet l-intenzjoni tiegħu biex jerġa’ jikkontesta għal din l-elezzjoni, jemmen li hu fl-aqwa interess tal-partit tiegħu u tal-pajjiż biex jirtira l-kandidatura u jiffoka biss fuq il-qadi ta’ dmirijietu bħala President għall-kumplament tat-terminu preżenti.
Dan l-iżvilupp seħħ wara xhur ta’ spekulazzjonijiet dwar l-età u s-saħħa fiżika ta’ Biden, biex iservi għal erba’ snin oħra, fost affarijiet oħra li seħħew u dibattiti fjakki.
Biden, li għandu wieħed u tmenin sena, kien insista li jinsab lest biex jirbaħ lil Trump fl-elezzjoni li ġejja, iżda rċieva talbiet anki mill-partit tiegħu stess biex ma jikkontestax u jagħti spazju lil ħaddieħor.
L-attenzjoni issa ddur fuq min se jieħu postu – b’din l-għażla x’aktarx issir waqt il-Konvenzjoni Nazzjonali Demokratika li se ssir f’Awwissu.