Raġel ta’ 38 sena mir-Rabat, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, inħeles mill-arrest wara li fil-Qorti ġie mixli li hedded lil ommu.
Fl-awla l-Ħadd, ommu qalet li se tagħtih ċans erba’ ġimgħat biex joħroġ mid-dar u jsib post alternattiv fejn joqgħod. Sadanittant, qalet li lesta toħroġ mid-dar.
Ir-raġel ġie mixli li hedded lil ommu s-Sibt, inkluż b’mezzi ta’ komunikazzjoni u beżżagħha.
Barra minn hekk, l-omm stqarret li saħansitra lesta tħallaslu erba’ mitt ewro għall-kera, imbasta ma jkunx qiegħed joqgħod magħha, fid-dawl li għandu problemi ta’ rabja.
Fl-awla l-imputat għamel diversi akkużi fil-konfront t’ommu, fosthom li tgħid ħaġa u tagħmel oħra, li użatu biex isawwat lil missieru u li tabbużah psikoloġikament.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat, Claire Stafrace Zammit, tat il-ħelsien mill-arrest lir-raġel fuq garanzija personali ta’ għaxart’elef ewro. Dan filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-omm, li jekk tinkiser, l-akkużat jista’ jeħel sa sentejn ħabs u multa ta’ sebat elef ewro.
L-imputat ġie ordnat jiffirma darbtejn f’ġimgħa f’għassa tal-pulizija filwaqt li nħarġet ordni ta’ trattament favur l-imputat biex jindirizza r-rabja.