Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr kif l-investiment fuq it-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku se jintensifika fix-xhur li ġejjin, hekk kif pajjiżna se jidħol fit-tieni fażi tal-investiment li tħabbar madwar sena ilu. Dan qalu f’kollegament telefoniku waqt il-programm Paperscan il-Ħadd filgħodu.
Il-Prim Ministru serraħ ras il-pubbliku li l-ġenerazzjoni mill-powerstation, l-interconnector u l-enerġija rinovabbli hija suffiċjenti.
Minkejja dan sostna kif il-Gvern qed iħares ’il quddiem biex din tkompli tiżdied, fosthom bit-tieni interconnector, li jinsab fi stadju avvanzat tat-taħtidiet preparatorji.
Dr Abela sostna kif is-sajf tas-sena li għaddiet wera li pajjiżna għandu sfidi serji b’rabta mad-distribuzzjoni tal-elettriku, iżda spjega kif dan wassal biex inbeda eżerċizzju metikoluż li fih ġew analizzati l-aktar postijiet milquta. B’hekk ġew investiti mal-ħamsa u ħamsin miljun ewro fl-ewwel fażi.
“Bħalissa għad hemm xogħol għaddej imma li jintensifika hekk kif nidħlu fit-tieni fażi ta’ dan il-proġett. Huwa proġett li f’din it-tieni fażi jrid jara ninvestu saħansitra aktar minn dak li nvestejna s’issa jiġifieri dak l-investiment kollu finanzjarju li huwa meħtieġ biex ngħaddu għat-tieni fażi tat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni se nagħmluh kollu.”
Il-Prim Ministru ma naqasx milli jinnota dak li ppropona l-Partit Nazzjonalista, li ried jipprivatizza s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, li twassal għal kontijiet ogħla għall-familji u n-negozji.
Dr Abela qal kif jibqa’ ma jaqbilx ma’ dan u saħaq li pajjiżna għandu professjonisti kapaċi biżżejjed li se jwasslu biex isir l-investiment meħtieġ iffinanzjat mill-Gvern.
Fl-istess kollegament telefoniku, il-Prim Ministru kien mistoqsi dwar l-aħbar li l-Kummissjoni Ewropea jkollha Kummissarju għall-Mediterran; idea li kienet nibtet f’pajjiżna waqt is-Summit tal-MED9, f’Settembru tas-sena li għaddiet.
Dr Abela tratta wkoll iż-żjara li kellu fil-Libja, fejn iġġedded trattat dwar l-imigrazzjoni illegali li wassal biex fl-aħħar snin il-wasliet f’pajjiżna kienu minimi.
“Tkellimna mal-Libjani fuq il-potenzjal ta’ investiment u dik hija l-istrateġija li l-Unjoni Ewropea trid taqbad mal-Afrika ta’ Fuq b’mod inġenerali. X’investiment tħaddidna dwaru b’mod speċifiku. Tkellimna mal-Libja u ffirmaja Memorandum of Understanding ieħor fuq il-qasam tal-enerġija nadifa.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza tal-investiment fl-Afrika ta’ Fuq, anki fiż-żjara li għamel f’Londra fejn ħa sehem f’summit mal-mexxejja tal-aktar pajjiżi b’saħħithom madwar id-dinja.
Dwar l-edukazzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-iffirmar tal-akbar ftehim settorjali mal-edukaturi, Dr Abela sostna kif dan jirrifletti l-prinċipji tal-gustizzja u l-mobbiltà soċjali.
Kien għalhekk, li filwaqt li rringrazzja lill-edukaturi għax-xogħol li jagħmlu ta’ kuljum, spjega kif l-edukazzjoni twassal għal mod ta’ kif l-ekonomija ta’ pajjiżna se tkun strutturata fil-ġejjieni.
Dwar il-liġi l-ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, Dr Abela sostna kif din se twassal biex tindirizza l-ħtiġijiet tal-lum filwaqt li żżomm fiċ-ċentru lill-ħaddiem.
“Kellek iż-żieda tar-riżors uman iġifieri hemmhekk ukoll mill-investiment primarju erġajna morna fuq il-ħaddiem, fil-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol imma fin-numru wkoll. Nifmhu wkoll li tant għandek oqsma tax-xogħol f’dan il-pajjiż li biex twettaq sorveljanza u nfurzar.”
Dr Abela temm jenfassizza l-importanza tas-sorveljanza li tista’ twassal għal bidla fil-kultura, fl-istess waqt li jitnaqqsu l-konsegwenzi negattivi b’rabta ma’ nuqqas ta’ miżuri li jiżguraw is-saħħa u sigurtà, fuq il-post tax-xogħol.