Kelliema għall-kumpanija Netflix, qalu li fit-tieni kwart ta’ din is-sena, żdiedu 8 miljun persuna li jużaw is-servizz tagħha.
Dan hekk kif il-kumpanija, rinomata għax-xelta ta’ serje u l-films li mhux biss turi iżda anke tipproduċi, ippubblikat iċ-ċifri tad-dħul tagħha – li jiżbqu dak li kienu qed jantiċipaw l-analisti.
Netflix li hija l-kumpanija ewlenija ta’ din ix-xorta globalment, bejn il-perjodu ta’ April u Ġunju, rat 277.7 miljun persuna abbonati magħha.
B’hekk il-kumpanija, ġġenerat 9.6 biljun dollaru, b’2.1 biljun dollaru li kienu profitt.
Dawn in-numri, huma pożittivi, speċjalment meta kkumparati mal-perjodu tal-2022, fejn iċ-ċifri għal Netflix kienu tbaxxew.
Proprju dak iż-żmien, Netflix nediet sussidju fuq l-offerti għar-reklami, filwaqt li neħħiet il-faċilità tal-password sharing, jiġifieri li aktar minn persuna waħda tuża l-istess profil, li jkun immirat għal persuna waħda.
Fir-Renju Unit u l-Kanada, il-kumpanija neħħiet ukoll l-irħas pjan tagħha – bil-pjanijiet li din id-deċiżjoni tinfirex ukoll f’pajjiżi oħrajn.
Fl-Istati Uniti, il-kumpanija Netflix qed tikkollabora wkoll ma’ Peacock u Apple TV – kumpaniji li huma rivali tagħha.
Il-kumpanija qalet li r-reklami li saru fuq il-pjattaforma, laħqu 40 miljun ruħ fix-xahar ta’ Mejju.
L-ishma ta’ Netflix, gwadanjaw 38% mill-bidu ta’ din is-sena, minkejja li dan it-tkabbir jista’ jonqos fiż-żmien li ġej.
Minkejja dan, Netflix, baqa’ ewlieni fis-suq, tul dawn is-snin, jiżboq anke lill-pjattaforma Disney+.
L-analisti, avżaw li jista’ jkun li fil-futur qrib, jista’ jkun li kumpaniji oħra jaddottaw l-istrateġija ta’ Netflix.
Dan filwaqt li l-kumpanija se tieqaf tirraporta n-numru ta’ persuni abbonati magħha, sabiex ma tattirax aktar kompetizzjoni minn kumpaniji oħrajn ibbażat fuq l-abbonati tagħha.