L-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex nediet Konsultazzjoni Preliminari tas-Suq sabiex tiġi determinata l-fattibilità b’rabta mal-iżvilupp potenzjali ta’ parkeġġ fuq diversi livelli kkumplimentat bi spazju aħdar miftuħ.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar fejn intqal li dan il-proġett hu propost li jsir fi Pjazza l-Assedju l-Kbir fir-Rabat, Għawdex.
Il-Ministru Clint Camilleri sostna li din hi proposta oħra li ser tiġi studjata biex eventwalment dawk interessati jkunu jistgħu jissottomettu l-offerta tagħhom sabiex jibnu u joperaw din il-faċilità fil-qalba tal-Belt Victoria.
Il-Ministru Camilleri qal li din iż-żona mifruxa fuq medda ta’ 3,100 metru kwadru għandha potenzjal li taqdi funzjoni ferm akbar minn dik tal-lum, hekk kif bħalissa din iż-żona hi parkeġġ. Tenna li b’din il-proposta ta’ parkeġġ fuq diversi livelli u spazju aħdar fuq, il-Gvern jemmen li jkun qed jindirizza bosta sfidi fil-kapitali Għawdxija.
Huwa fakkar kif din l-inizjattiva mhijiex waħda iżolata, imma parti minn kullana ta’ proġetti oħra intiżi sabiex jindirizzaw l-isfida tat-traffiku f’Għawdex.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex Mario Borg qal li l-Awtorità qed taħdem fuq dan il-proġett peress li hu parti mill-Istrateġija Reġjonali għal Għawdex. Is-Sur Borg fakkar li dan il-proċess jagħlaq fis-16 ta’ Settembru li ġej.