“Wara li ħalla kumpanija tal-enerġija falluta, kontijiet għolja u investiment niexef fis-settur tal-enerġija, il-Partit Nazzjonalista jrid jitkellem fuq is-settur tal-enerġija, bi proposti li minflok jinvestu jaqtgħu qalbhom qabel biss bdew.”
Saħaq dan il-Partit Laburista fi stqarrija wara li l-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern huwa ħali u qed jonfoq il-flus bla pjan.
Il-Partit Laburista tenna li filwaqt li llum il-gvern għaddej bl-ikbar investiment fid-distribuzzjoni bil-għan li tinbena sistema iktar reżiljenti, il-Kap tal-Oppożizzjoni diġa’ qata’ qalbu meta qal li jrid jiprivatizza s-settur fl-istess ħin li jimmira li kulħadd ikollu d-dawl 99.5% tal-ħin.
Intqal li b’matematika sempliċi, il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li ma jkollokx dawl ghal 0.5% tas-sena. F’termini ta’ sigħat, dan ifisser 44 siegħa bla dawl.
U dan fl-istess ħin li l-Partit Nazzjonalista jagħtik kontijiet ogħla.
Filwaqt li konxju tal-isfidi li għad irid jindirizza, u għalhekk qed isir l-investiment, Gvern Laburista wieġeb investa u qed ikompli jinviesti fis-sistemi tad-distribuzzjoni u l-ġenerazzjoni, raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u żammhom stabbli minkejja l-pandemija u l-gwerrer. Implimenta l-proġett tal-interconnector li kien tħalla bla permessi u issa għaddej il-proċess fuq it-tieni interconnector, filwaqt li żied in-numru ta’ substations u ċentri ta’ distribuzzjoni, kemm ġodda kif ukoll estensjonijiet.
“F’sena waħda, Gvern Laburista qed jagħti investiment b’saħħtu ta’ €55 miljun biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-elettriku. Fejn wiegħed 70km ta’ cables ġodda, saru 82km f’seba’ xhur” intqal fl-istqarrija.
Il-Partit Laburista temm jgħid li dan il-Gvern huwa impenjat biex dan l-investiment b’saħħtu jkompli, għaliex konxju li hemm fejn fadal xi jsir. Iżda, fejn fadal xi jsir m’hemmx dubju li huwa x-xogħol li għaddej minn gvern laburista li se jagħti s-soluzzjoni u mhux il-populiżmu tal-oppożizzjoni.