Għawdex baqa’ jkun id-destinazzjoni favorita għal eluf ta’ Maltin u turisti biex iqattgħu vaganza fih. Min imur biex iqatta’ ġurnata ta’ rilassament ħdejn il-baħar jew fil-kampanja, u min jorqod għal-lejl jew aktar f’xi waħda mill-għexieren ta’ akkomodazzjonijiet li jdawru din il-gżira, bil-boutique hotels kull ma jmur dejjem qed jiksbu l-popolarità.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, li qabel kienu jfissru telf u baħħ għas-settur turistiku f’Għawdex, din is-sena esperjenzaw rekord hekk kif kien hemm ukoll żieda ta’ 25% fit-turisti barranin.
F’Għawdex stess, ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat, li żvela magħna ċifri b’rabta ma’ dan.
“Dan in-numru ta’ turisti għadu fostna, aktar iljieli minn kemm qagħdu s-sena l-oħra fejn rajna żieda ta’ 22%. Rajna wkoll żidiet oħrajn f’dak li għandu x’jaqsam fil-lukandi Għawdxin, fejn qed naraw li t-turist barrani żdied b’35%, fejn anke l-bed nights żdiedu bi 32%. Rajna wkoll żidiet fit-turist tal-ġurnata, li jżur lil Għawdex għal ftit sigħat. Dan hu awgurju tajjeb għall-istaġun tas-sajf u qed nistennew li dan l-andament ikompli max-xhur li ġejjin.”
Fejn jidħol is-suq domestiku, Muscat qal li Għawdex baqa’ d-destinazzjoni favorita tiegħu, hekk kif kien hemm żieda ta’ 6% fil-wasliet tat-turisti Maltin f’Għawdex, fl-istess ħin li kien hemm żieda ta’ 8% fl-iljieli li qattgħu.
Minkejja li, għat-tliet xhur tas-sajf, il-wasliet tat-turisti mhux se jonqsu, Muscat innota fattur ġdid li qed jesperjenza s-settur f’Għawdex.
“Tajjeb li nagħmlu enfażi li dawn iż-żidiet, li se jkollu Għawdex, irridu narawhom ukoll fid-dawl taż-żidiet li qed ikollna minn sena għall-oħra, fin-numru ta’ stabbilimenti kif ukoll fin-numru ta’ sodod li qed ikun hawn għall-bejgħ fil-gżira Għawdxija. Iż-żieda li jista’ jkollna bħala destinazzjoni ma tistax ukoll tkun riflessa fuq iż-żieda b’mod individwali tal-istabbiliment.”