It-tħejjijiet għaddejjin ġmielhom għat-48 edizzjoni tal-festival tal-kanzunetta Maltija ‘L-Għajna tal-Poplu’, li din is-sena se jiġi organizzat fit-3 ta’ Awwissu li ġej fi Pjazza Teatru Rjal, bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra taħt id-direzzjoni tal-Mro Joe Brown.
Il-fesitval jagħti l-ħelsien lill-artisti Maltin biex jesprimu l-emozzjonijiet u l-ideat tagħhom permezz ta’ mużika minn kwalunkwe ġeneru. ‘L-Għanja tal-Poplu’, fil-fatt, jiġbed lejh kemm żgħażagħ kif ukoll artisti ta’ esperjenza, li lkoll għandhom il-lingwa Maltija għal qalbhom.
Stqarrija mill-organizzaturi spjegat li l-festival jinqasam fi tliet fażijiet, l-ewwel fejn il-ġurija esperta tagħżel 40 kanzunetta minn dawk kollha li jkunu applikaw. Fit-tieni fażi, ġurija differeti tisma’ l-interpretazzjonijiet live tal-kanzunetti biex minnhom jerġgħu jintagħżlu l-aħjar sittax.
Dak il-proċess fl-edizzjoni ta’ din is-sena għadu kemm ġie konkluż u l-kanzunetti finalisti huma dawn:
- Jien Min Jien – Klikka (Renato Vella/ Steve Camilleri/ Malcolm Camilleri, Philip Vella)
- Daqqa ta’ Pinna – Cherylis (Emil Calleja Bayliss, Mark Scicluna)
- Jiena Missier – Dominic Cini (Etienne Micallef, Philip Vella)
- Straight – Lon Kirkop (Kantawtur)
- Bil-Jekk u Bil-Jewilla – Thea Gauci (Emil Calleja Bayliss, Mark Spiteri Lucas)
- Fissidni – Dario Bezzina (Kantawtur)
- Munita B’Żewġ Uċuh – Kayley Cuschieri (Paul Ellul, Mark Scicluna)
- Tgħanniqa – Leontine (Etienne Micallef, Dominic Cini)
- Kanna Kanun – JAMM Band (Mark Cachia)
- Dik L-Id – Jasmine Farrugia (Paul Ellul, Aldo Spiteri/ Bradley Spiteri/ Liam Spiteri)
- Nafu Nħobbu Wkoll – Anna Azzopardi (Joe Julian Farrugia, Mark Spiteri Lucas)
- Il-Poeta ta’ Ftit Kliem – Mark Tonna (Etienne Micallef, Dominic Cini)
- Namra – Florence Aquilina (Kantawtur)
- Inkiss Inkiss – Rachel Lowell (Emil Calleja Bayliss, Philip Vella)
- Għażiża – Laura Bruno (Mark Spiteri Lucas)
- Qsamt it-Triq – David Joseph Sammut (Alfred C. Sant)
‘L-Għanja tal-Poplu’ jiġi organizzat mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu, bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Ir-rebbieħ tas-sena l-oħra, Christian Arding, u l-kantant veteran Renato Micallef se jkunu l-mistiedna speċjali għal din is-sena.
Il-koppja Antonella Galea Loffreda u Joseph Galea se jkunu qed jippreżentaw is-serata u l-biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq www.tickethotline.com.mt.