Il-Gvern qed jikkunsidra l-użu tal-mewġ fil-baħar għall-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika, waqt li nieda riċerka marittima ġddia f’dan il-qasam u fit-teknoloġija marittima.
F’Villa Bighi fil-Kalkara, is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, flimkien mal-Fondazzjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, organizzaw konferenza stampa dwar tali possibbiltà bi preżentazzjoni tal-Inġinier Brian Azzopardi.
Dan se jkun l-aħħar studju dwar proġetti marittimi li se jikkonkludi sensiela ta’ ħames inizjattivi, li nbdew din is-sena u mistennija jagħtu r-riżultati sa Diċembru li ġej.
Fil-preżentazzjoni tiegħu, l-Inġinier Azzopardi ħabbar li r-riċerka marittima se tkun qed tibbaża ruħha fuq tliet prinċipji marittimi, li huma r-riċerka fuq l-enerġija ġġenerata mill-mewġ tal-baħar, sistemi ta’ trasferimenti tal-enerġika mingħajr cables u repliki diġitali flimkien ma’ laboratorju ħaj fil-Port.
Hu qal li Malta għandha potenzjal sinifikanti għall-ħażna tal-enerġija, permezz tal-mewġ tal-baħar, b’sebat elef u ħames mitt kilometru kwadru ta’ żoni ddisinjati għall-iżvilupp ta’ enerġija offshore li se jwasslu għal enerġija nadifa u sigurtà fil-provvista elettrika lokali.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal li tali riċerka hi kruċjali għal pajjiżna, għax huma proġetti bħal dawn li ’l quddiem se jkunu qed iħallu l-frott fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
“Aħna nemmnu li ma nistgħux nipproteġu l-baħar jekk ma nifhmuhx. Għalhekk, ir-riċerka u l-innovazzjoni huma l-aqwa għodda biex nifhmu l-baħar. Il-baħar tant hu essenzjali, biżżejjed ngħid li jipprovdilna l-arja, l-ossiġnu li nieħdu, imma għandu diversi benefiċċji oħrajn, fosthom għat-tkabbir ekonomiku, opportunitajiet edukattivi, aktar investiment fejn tidħol innovazzjoni. Għalhekk irridu naraw li fi ftit tax-xhur oħra naraw ir-riżultati ta’ dawn il-programmi ta’ riċerka”.