Waqt laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp din il-ġimgħa, ġiet imxejna kull spekulazzjoni li l-Gvern għandu xi pjani li ssir marina fil-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien.
Din l-ispekulazzjoni ġdida mqajma mid-deputati Nazzjonalisti, intiża biss biex tagħmel il-ħsara għall-ftehim storiku li ġie konkluż riċentament għall-protezzjoni ta’ din iż-żona, sabet mill-ewwel ir-reżistenza tan-naħa tal-Gvern, inkluż mis-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia.
Dan minbarra li hu stat ta’ fatt li kellu jkun proprju Gvern Laburista, li temm battalja fuq għexieren ta’ snin wara li Gvern Nazzjonalista kien daħħal din l-art vasta u pristina fiż-żona ta’ żvilupp u għaddiha lill-ispekulaturi. Is-Sindku Laburista tal-Qala, Paul Buttigieg, kien ukoll il-perċimes f’din il-ġlieda, li tawlet tnejn u għoxrin sena, biex Ħondoq ir-Rummien jiġi protett minn kull żvilupp.
F’kumment ma’ ONE News, Buttigieg mhux biss innota b’sodisfazzjon il-pjani attwali relatati mas-sit biex jiġi protett u anke ssir afforestazzjoni, iżda fakkar id-differenza llum minn żmien amministrazzjoni ta’ Gvern Nazzjonalista, li kien biddel il-pjani minn wara dahar kulħadd fl-2006.
“Ninsab ferm sodisfatt li l-poplu tal-Qala, issa, jista’ jserraħ rasu, għax ilbieraħ seħħet l-aħħar laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-local plans ta’ Ħondoq. Konsultazzjoni li damet is-snin għaddejja u nista’, bi pjaċir, ngħid li se tiġi total afforestation. Differenza kbira minn meta kienet inbidlet minn wara dahar kulħadd fl-2006, li kienet ġiet għal touristic marine related activities.”
Hu temm jgħid li, fil-futur qrib, se jissoktaw il-pjani sabiex iż-żona kollha ta’ Ħondoq titgawda mill-Qalin, l-Għawdxin, il-Maltin u l-għadd ta’ turisti li jżuruha.
“Issa b’hekk din se tiġi ppubblikata u minn hemm nitilqu għal proċess ieħor, biex fil-futur qrib, l-area kollha ta’ Ħondoq tiġi biex titgawda, mill-poplu Malti u Għawdxi.”
Waqt l-istess kumitat Parlamentari, f’intervent li għamel, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, xejjen kull spekulazzjoni, li bdiet titqajjem mir-rappreżentanti tal-Oppożizzjoni.
“Naħseb li l-idea ta’ dan il-Gvern, fuq din l-affari, naħseb li ħarġet biċ-ċar f’dawn l-aħħar ġimgħat u xhur. Il-kelma marina qatt ma ssemmiet min-naħa ta’ dan il-Gvern, jew kien hemm xi ħsieb li ssir biex naqtgħu kull spekulazzjoni li seta’ jkun hemm. La mill-Ministru ma smajtha, la mis-Sindku tal-Qala, ma smajtha minn imkien. WHITEFLASH Id-direzzjoni ta’ dan il-Gvern naħseb kienet ċara mill-bidu sal-aħħar li Ħondoq jiġi protett minn kull tip ta’ żvilupp, kemm fuq l-art u anke fuq il-baħar. Dik hi osservazzjoni li jaqbel magħha żgur kulħadd, totalment.”
Is-Sindku tal-Qala wkoll tenna li, f’dokumenti li għandu f’idejh, joħroġ ċar li sa minn żmien Gvern Laburista ta’ bejn l-1996 u l-1998, kienu xxejnu l-ħsibijiet li ssir marina f’Ħondoq u minflok, dakinhar, kien issuġġerit li titkabbar il-marina diġà eżistenti fil-Port tal-Imġarr, kif effettivament sar, anke bi żviluppi u kordinazzjoni aħjar li twettqu fi proġett minn Infrastructure Malta fl-aħħar snin.