Il-fenomenu ta’ baħar, li jinbidel fil-lewn għal wieħed ħadrani mhux iżolat għal pajjiżna, tant li għadhom kemm ġew irrapportati wkoll każi simili f’Reggio Calabria, fl-Italja.
Bħal fil-każ ta’ pajjiżna, fejn jingħad li skont l-esperti tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, numru ta’ bajjiet esperjenzaw tali fenomenu kawża ta’ temperaturi għoljin tal-baħar.
Waqt li saru testijiet tal-ilma baħar f’dawn il-bajjiet, jirriżulta li s-sħana qanqlet tip ta’ mikro-alga, imsejħa Pyramimonas, li titla’ fil-wiċċ fi kwantitajiet kbar u tidħol max-xtajtiet.
Rapporti fil-midja Taljana qalu li testijiet li saru f’laboratorji tal-Aġenzija Reġjonali għall-Protezzjoni tal-Ambjent ta’ Calabria, l-ARPACAL, fuq kampjuni tal-ilma baħar minn tliet bajjiet ikkonkludew li l-alga ma toffri l-ebda riskji la għall-bniedem u lanqas għall-ambjent naturali marittimu.
Fl-istess ħin ingħad li fenomeni simili, għalkemm mhux komuni, kienu rrapportati wkoll fi snin riċenti f’għadd ta’ bajjiet Taljani.
Attwalment iċ-ċentru tal-Mediterran milqut minn temperaturi barra n-normal, li qed iwasslu għal dawn il-fenomeni fil-baħar. Pajjiżna wkoll irreġistra l-ewwel mewġa ta’ sħana fil-baħar fl-aħħar jiem.