Ġest sabiħ waqt il-funeral tas-saċerdot twajjeb Dun Tony Pace li ħalla din id-dinja nhar is-Sibt li għadda, hekk kif kienu ħutu il-qassisin li refgħu t-tebut tiegħu.
Dun Tony dam miżżewweġ ma’ Joan 31 sena. Kienu żewġ għalliema. Huwa papà ta’ tliet ulied: Pauline, Deborah, u David, li wkoll qabad it-triq bħala reliġjuż mal-Moviment Missjunarju ta’ San Pawl. Bħal missieru, qiegħed fil-mixja għas-saċerdozju. Barra dan, Dun Tony huwa wkoll nannu ta’ tnejn, li huma l-mimmi t’għajnejh.
Għaxar snin ilu martu Joan ġiet nieqsa. Minn hemm ‘il quddiem Dun Tony beda l-vokazzjoni tiegħu għas-saċerdozju.
Tony Pace għamel snin twal bħala edukatur. Saħansitra ħareġ xi kotba mmirati għat-tfal fil-Primarja. F’intervista li kien għamel ma’ dan l-istazzjon huwa kien qasam magħna l-ħsibijiet tiegħu dwar l-imħabba ta’ missier, li ddefinixxiha fi tliet aspetti: dak spiritwali, dak bijoloġiku, u anki dak legali. Huma qasam magħna ħsibijiet dwar l-imħabba spiritwali.