Marsxalokk sfaw eliminati mill-UEFA Europa Conference League meta fit-tieni leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni għal din il-kompetizzjoni, sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-1. Dan wara li l-ewwel leg fl-Albanija kien intemm fi draw ta’ 1-1, biex b’hekk l-Albaniżi kisbu l-passaġġ għat-tieni round bi skor aggregate ta’ 3-2.
Kienet wirja ferm qalbiena minn Marsaxlokk u kienet tassew ħasra għihom li raw l-isforzi tagħhom jisfumaw fix-xejn propju fl-aħħar mumenti tal-partita.
Kienu Partizani li ħolqu l-ewwel periklu fit-12-il minuta meta Kara kellu t-tentittiv tiegħu mill-viċin salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Marsaxlokk, Marko Drobnjak, li ħareġ barra minn postu u dawwar tajjeb f’corner.
Huma komplew fuq l-offensiva u fil-21 minuta Tedi Cera għal ftit ma kkonkludiex minn taħt il-lasta b’Karl Micallef ikun pront u jitfa’ l-ballun f’corner.
Marsaxlokk wieġbu għall-ewwel darba fis-26 minuta meta Igor Goluarte għadda tajjeb lejn Yuri De Jesus Messias li iżda l-konklużjoni tiegħu ma kinitx daqshekk b’saħħitha, bil-ballun jintemm barra.
Iżda kienu Partizani li kienu ferm sfortunati li ma fetħux l-iskor fis-27 minuta meta Cera għadda tajjeb lejn Arinaldo Rrapaj li min-naħa tiegħu serva fuq platt tal-fidda lil Archange Dieudonne Bintsouka li kellu t-tentattiv tiegħu minn taħt il-lasta jistampa mal-mimduda, bix-Xlukkajri jeħilsuha ħafif.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Marsaxlokk ħarġu ferm aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta wara biss 34 sekonda fetħu l-iskor meta l-viċi-captain Nikolai Muscat rebaħ ballun f’nofs il-ground, għadda l-ballun fid-direzzjoni ta’ YURI DE JESUS MESSIAS, li permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun fix-xibka, bil-ballun jaħbat mal-mimduda qabel intemm ġewwa.
Iżda bilkemm Marsaxlokk kellhom ċans jifirħu għal dan il-goal li f’botta u risposta żewġ minti biss wara ġabu l-iskor indaqs meta Andi Hadroj għadda tajjeb lejn TEDI CERA, li minn pożizzjoni ideali ma ħafirx.
Il-partita kompliet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, bl-azzjoni denja ta’ nota sussegwenti tasal biss fit-78 minuta minn Partizani permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ Maguette Gueye li iżda ntemm ferm għoli.
Huma komplew jippressaw u fis-86 minuta, Rrapaj, li ftit wara ngħata l-faxxa ta’ captain, kellu f’saqajħ il-goal tal-vantaġġ għal Partizani, iżda t-tentattiv tiegħu mill-viċin ġie salvat b’mod stupend minn Drobnjak, biex salva goal ċert.
U meta kollox deher li l-partita kienet destinata li tmur għall-ħin barrani, Partizani skorjaw il-goal tar-rebħa proprju fit-93 minuta meta Andi Hadroj għadda tajjeb lejn is-sotitut ALBERS KEKO, li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa fost il-protesti Xlukkajri hekk kif Keko possibilment kien f’pużizzjoni r-regolari.