Proprju kmieni waranofsinhar, fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, is-720 membru Parlamentari Ewropej illum mistennija jerġgħu jivvotaw, din id-darba dwar jekk japprovawx jew le mandat ġdid lil Ursula von der Leyen bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.
Dan wara li ftit tal-ġimgħat ilu, il-mexxejja Ewropew f’summit tal-Kunsill Ewropew qablu li Von der Leyen għandha terġa’ sservi bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin, kif għamlet fl-aħħar leġiżlatura.
Jekk il-Parlament EwrEwropew japprovaha mill-ġdid, hi tkun it-tielet President tal-Kummissjoni, li se sservi għat-tieni leġiżlatura u l-ewwel mara li tagħmel dan.
Dan wara li fl-2019, hi kisbet il-fiduċja ta’ 383 MEP. Madankollu, diversi siti internazzjonali qed jgħidu li dak tal-lum se jkun eżami ferm aktar diffiċligħal Von der Leyen. Siti oħrajn kkwotaw nies qribha li jsostnu li huma ottimisti.
Jekk Von der Leyen ma ġġibx il-maġġoranza assoluta, dan joħloq kriżi politika bla preċedent lill-Unjoni Ewropea. Dan minħabba li l-mexxejja tal-pajjiżi Ewropej irridu jerġgħu jaqblu biex jinnominaw kandidat ieħor għal dan ir-rwol importanti għall-Unjoni.