L-uniku proposta konkreta tal-Partit Nazzjonalista dwar id-distribuzzjoni tal-elettriku kienet dik li jipprivatizza s-settur u eventwalment jżid il-prezzijiet. Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, b’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista.
L-alternattiva minn Gvern Laburista dik li jinvesti b’saħħa kbira fil-provvista u issa qed jissokta bl-investiment fid-distribuzzjoni.
Intqal li fl-aħħar xhur, f’pajjiżna kulħadd seta’ jara xogħol qawwi għaddej fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku b’investiment multi-miljunarju.
Il-Partit Laburista sostna li, kieku l-Gvern ħa l-pariri tal-PN, lanqas provvista m’għandu l-pajjiż, għax dejjem emmen li Malta ma kellhiex bżonn power station ġdida u meta kien fil-poter lanqas lesta l-interconnector li tant kien ilu jitkellem dwaru.
“Fil-fatt kien dan il-Gvern li lestih, bħalma se jlesti t-tieni wieħed u aktar proġetti ta’ enerġija rinovabbli”, temm jgħid il-Partit Laburista.