Hamrun Spartans sfaw eliminati miċ-Champions League meta fit-tieni leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-istess kompetizzjoni sfaw megħluba minn Lincoln Red Imps bl-iskor ta’ 5-4 wara l-għoti tal-penalties, biex b’hekk issa se jkunu qed jaffaċċjaw lil FC Ballkani tal-Kosovo fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League.
Lincolm Red Imps qalgħu daqqa ta’ ħarta wara biss ħames minuti meta tkeċċa għalihom il-player Daniel Brent wara daħla kerha fuq Eder.
Hamrun approfittaw minn dan u bdew jiddettaw il-logħob u fit-13-il minuta resqu viċin li jiftħu l-iskor minn xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ Raphael Lopes li ġie mblukkat mill-goalkeeper ta’ Lincoln Imps Santana u mir-rebound, Joseph Mbong, kellu xutt mill-viċin salvat għal darb’oħra minn Santana.
L-Ispartans komplew fuq l-offensiva u fit-23 minuta kellhom ferħa bla temma meta wara li rċieva minn cross mil-lemin ta’ Roko Prsa, Raphael Lopes, tefa’ l-ballun wara Santana, madankollu il-goal ġie mħassar mir-referee Franċiż Eric Wattellier wara konsultazzjoni mal-VAR.
Fit-58 minuta Roko Prsa tilef ċans tad-deheb li jiftaħ l-iskor għal Hamrun meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner mix-xellug ta’ Talison, kellu t-tentattiv mill-viċin tiegħu jintemm ftit barra.
Hamun irnexxielhom isibu x-xibka b’mod drammatiku fid-89 minuta, meta wara li rċieva minn cross ta’ Emerson Marcelina, VITAO, ikkontrolla tajjeb u minn pożizzjoni ideali tefa’ ġewwa.
L-iskor baqa’ ma nbidilx u b’hekk wara li fl-ewwel leg kienu Lincoln Imp li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0, il-partita kellha tmur għall-ħin barrani.
Fil-110 minuta Hamrun kienu sfortunati li ma sabux ix-xibka meta Luke Montebello kellu t-tentattiv tiegħu indirizzat lejn il-lasti li deher li qabeż il-linja iżda r-referee Eric Wattellier ma kkonvalidax il-goal. Dan sabiex mill-azzjoni li segwiet Letherby kellu x-xutt sabiħ tiegħu minn tarf il-kaxxa jistampa mal-mimduda.
U l-iskor sa tmiem il-120 minuta baqa’ intatt, u b’hekk il-partita kellha tmur għall-għoti tal-penalties, b’Lincoln Red Imps finalment joħorġu rebbieħa.