“Filwaqt li l-avvanzi teknoloġiċi u t-titjib fis-sistemi ta’ komunikazzjoni qed jimbottaw ’il quddiem it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali, l-użu ħażin tagħhom jista’ jhedded is-sigurezza u s-sigurtà, b’konsegwenzi serji fuq il-benessere taċ-ċittadini tagħna.”
Qal dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Dr Ian Borg, li hu wkoll iċ-Chairperson tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, waqt li indirizza l-ftuħ tal-Konferenza Annwali tal-OSCE fuq is-Sigurtà Ċibernetika u tal-ICT, li ġiet organizzata f’pajjiżna.
B’referenza għat-tema tal-Konferenza, “Insaħħu r-Reżiljenza Ċibernetika Nazzjonali”, il-Ministru u Chairperson tal-OSCE inkoraġġixxa lill-pajjiżi membri tal-OSCE biex iżidu l-isforzi tagħhom lejn iżjed reżiljenza ċibernetika fir-reġjun tal-organizzazzjoni.
Hu spjega li l-Presidenza Maltija tal-OSCE qed tiffoka fuq l-importanza tal-integrità tal-informazzjoni u r-riskji tad-disinformazzjoni. Permezz t’azzjonijiet differenti, l-OSCE u l-pajjiżi membri tagħha qed jindirizzaw dawn l-isfidi b’miżuri ta’ sigurtà ċibernetika, filwaqt li jissalvagwardjaw il-libertà tal-istampa u tal-espressjoni.
“L-OSCE tħares lejn is-sigurtà b’mod komprensiv u allura mhux biss mill-politika militari, imma anke l-aspett uman u l-aspett ambjentali u ekonomiku. Xi ħaġa li tintuża f’kull qasam hi t-teknoloġija li tvarja. Illum għandna forom ġodda ta’ teknoloġija, bħall-intelliġenza artifiċjali, li qed tespandi u qed tespandi b’ritmu mgħaġġel. Din it-teknoloġija tista’ sservi ta’ għodda importanti biex ikollna spazju sigur, biex ikollna reġjun sigur, imma daqstant ieħor tista’ tiġi abbużata.”
Il-konferenza ta’ jumejn se ssaħħaħ l-għarfien tal-OSCE dwar l-impatti tal-użu ħażin taċ-ċiberspazju fuq is-soċjetajiet, gvernijiet u l-infrastruttura kritika, kif ukoll fuq il-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Qed tiffoka wkoll fuq il-bżonn li jkun hemm aktar kollaborazzjonijiet bejn Gvernijiet u partijiet oħrajn konċernati, biex jingħelbu dawn l-isfidi.
Sadanittant, ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-MITA, Emanuel Darmanin, fejn spjega kif din il-kumpanija hi l-aġenzija uffiċjali tal-Gvern għat-teknoloġija. Parti mir-rwol tal-MITA hu li jgħin lill-Gvern biex jiġu implimentati sistemi diġitali f’pajjiżna b’sigurtà kbira u b’mod effiċjenti.
Darmanin spjega li l-intelliġenza artifiċjali saret parti kbira minn ħajjitna u għalhekk hu importanti mmens li din tintuża b’mod ġust.
“L-artificial intelligence hi l-fenomenu ta’ bħalissa. Qed tintuża prattikament f’kull sistema. Issa ovvjament aħna għandna żewġ rwoli f’dan ir-rigward. L-ewwel nett li nużawha fis-sistemi biex niffaċilitaw l-operat tal-Gvern, però min-naħa l-oħra rridu noqogħdu attenti li, bħal kull għodda, tista’ tintuża ħażin, allura naraw li jekk tkun qed tintuża ħażin, aħna nagħtu l-miżuri biex nipproteġu.”