Il-Kirkop Summer Fest se jirritorna bis-seba’ edizzjoni tiegħu, organizzat minn K Music Events u l-Għaqda Mużikali San Leonardu, fejn din s-sena se jkun akbar mis-soltu tant li se jkun maqsum fuq jumejn, bejn it-2 u t-3 t’Awwissu.
Fl-ewwel lejl tiegħu, il-kunċert se jara t-tribute band uffiċjali ta’ Coldplay, Live in Technicolor, akkumpanjati minn DJs lokali, bħal Sheron, Zrinz u Sue. Ħa jagħlaq dan il-kunċert DJ Ziggy.
L-għada s-Sibt se jkun hawn tribute band tal-leġġendarji The Beatles, b’laqta ta’ mużika iżjed tal-passat, akkumpanjat minn DJs Alex Tonna u Alex Reflex Grech, filwaqt li wkoll se jagħlqu dan il-festival DJs lokali, bħal Ryan Spiteri, fost oħrajn.
Il-kunċerti se jseħħu fil-parkeġġ tal-Iskola Medja tal-Kulleġġ San Benedittu mit-8:00 ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Waqt li d-dħul għaż-żewġ kunċerti hu b’xejn, rappreżentanti tal-Inspire se jkunu qed jilqgħu d-donazzjonijiet tal-pubbliku favur kawża ġusta li jieħdu ħsieb bil-ħidma tal-organizzazzjoni mhux governattiva.