Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, ħabbar li se tkun qed tittella’ l-fiera immirata għaż-żgħażagħ bl-isem ta’ ‘iCHOOSE’, fejn se tagħti opportunità lill-istudenti biex jipparteċipaw u jiksbu informazzjoni li tgħinhom iwieġbu għall-mistoqsijiet li jkollhom dwar il-karrieri jixtiequ jaqbdu. Din il-fiera se tiġi organizzata fi tmiem din il-ġimgħa fil-Lukanda Excelsior fil-Furjana.
Taħt saqaf wieħed, l-istudenti se jsibu ’l fuq minn 40 esebitur, li jipprovdu tagħrif dwar opportunitajiet ta’ karrieri u mpjieg u jiltaqgħu ma’ rappreżentanti mill-istituzzjonijiet. B’hekk, imbagħad, jista’ jkollhom ħsieb aktar ċar u gwida aktar informata fuq korsijiet li jistgħu jwassluhom għal dak mixtieq.
L-attività fil-fatt tgħin biex l-istudenti u anke l-ġenituri tagħhom jibqgħu jiġu aġġornati dwar l-opportunitajiet li jkun hawn fil-mument.
Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, Matthew Vella, qal kif qed jaraw li l-entitajiet rappreżentati jkunu relatati ma’ varji industriji biex b’hekk jibqa’ jitħaddan il-prinċipju li l-persuna tibqa’ fiċ-ċentru.
“Bħala Ministeru, aħna norganizzaw din il-fiera biex l-istudenti tagħna nkunu qed nagħtuhom opportunità li, issa li jafu r-riżultati tagħhom, kif se jkunu qed iħarsu lejn il-futur u fejn se jkunu jistgħu jattendu. Qed naraw li jkun hemm professjonisti li huma mħarrġin biex jgħinu lill-istudent kemm mod personalizzat kif ukoll b’metodoloġiji differenti biex anke flimkien mal-ġenituri, l-istudenti jkunu qed jieħdu l-aħjar deċiżjoni u b’hekk jassiguraw li jkunu qed jieħdu l-potenzjal tagħhom fis-snin li ġejjin.”
Il-Ministu Grima qal kif hu importanti li kull deċiżjoni, li jieħdu l-istudenti, tkun meħuda wara li jkunu ngħataw l-informazzjoni kollha li jkun hemm bżonn, b’dak li se jkun qed jiġi offrut waqt din il-fiera hu mportanti ferm.
“Proprju, permezz ta’ din il-fiera, qegħdin naraw li nagħtu din l-informazzjoni tant prezzjuża, tant importanti, lil 4,000 student, 4,000 student li għandhom opportunitajiet biex ikomplu l-istudju tagħhom jew inkella jibdew karrieri f’diversi oqsma li kapaċi toffri l-ekonomija Maltija.”
Is-Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport fl-Iskejjel qed tinkoraġġixxi lill-istudenti u l-ġenituri tagħhom biex jattendu għall-fiera ‘iCHOOSE’ nhar il-Ġimgħa li ġej mill-4:00 ta’ waranofsinhar sat-8:00 ta’ filgħaxija u anke l-għada s-Sibt mid-9:00 ta’ filgħodu sas-1:00 ta’ waranofsinhar.