Gareth Southgate rriżenja minn kowċ tat-tim nazzjonali Ingliż wara t-tieni disfatta fil-finali tal-Kampjonat Ewropew tal-Futbol.
It-tim nazzjonali Ingliż tilef il-finali kontra Spanja bl-iskor ta’ 2-1, il-Ħadd li għadda. Dan wara li tliet snin ilu, l-Ingliżi tilfu l-finali bil-penalties kontra t-Taljani.
Southgate ta’ 53 sena mexxa lit-tim nazzjonali ta’ pajjiżu f’102 logħbiet, bl-ewwel logħba tiegħu kienet fl-2016, f’Wembley Stadium f’Londra, kontra t-tim nazzjonali Malti.
F’kummenti li ta f’din l-aħbar, Gareth Southgate qal li bħala Ingliż kien l-unur ta’ ħajtu li lagħab u anki mexxa t-tim nazzjonali Ingliż.
Taħt Gareth Southgate, it-tim nazzjonali Ingliż wasal darbtejn fil-finali tal-EURO, fis-semi finali u l-kwarti tal-finali fl-aħħar żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja.