L-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano reġa’ nħatar bħala Chairman tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni. Dan wara vot Parlamentari unanimu favur mozzjoni mressqa mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ġustizzja ntqal li din kienet l-ewwel darba li ċ-Chairman tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni se jkun qed jinħatar mill-President ta’ Malta, li taġixxi skont Riżoluzzjoni tal-Kamra li tgħaddi bil-voti ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra.
Il-Ministru Jonathan Attard iddeskriva lill-Imħallef Emeritu Quintano bħala persuna ta’ integrità kbira, li serva f’irwoli differenti, inkluż bħala Imħallef, Maġistrat u anki fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Dr Attard sostna li m’hemmx dubju li l-Imħallef Emeritu hu bniedem mill-iżjed preparat biex imexxi din il-Kummissjoni b’dik il-maturità, responsabbiltà u l-bilanċ meħtieġ f’dan iż-żmien meta l-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ ir-riżorsi tagħha.
Intqal li l-Gvern qiegħed jipprovdi r-riżorsi kollha meħtieġa sabiex din il-Kummissjoni tkompli twettaq ix-xogħol tagħha, inkluż b’żieda fir-riżorsi umani, fejn għaddej proċess ta’ reklutaġġ li se jwassal sabiex tkompli tissaħħaħ il-ħila organizzattiva tal-istess Kummissjoni. Hemm anke proċess ta’ investiment fil-ħolqien ta’ reġistru diġitali.
Din l-istqarrija temmet tgħid li l-Gvern iħares ’il quddiem lejn it-tisħiħ tal-attività ta’ din il-Kummissjoni taħt il-presidenza tal-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano u bil-kontribut tal-membri l-oħra tal-Kummissjoni.