Proprju fl-10:00 ta’ dalgħodu, bdiet l-ewwel plenarja tal-għaxar leġiżlatura. Plenarja li fiha, is-720 membru Parlamentari Ewropej qed jivvotaw biex jiddeterminaw min se jkun qiegħed jokkupa l-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew, għall-ewwel nofs tal-leġiżlatura.
Il-Membri Parlamentari Ewropej iridu jiddeċiedu bejn il-Maltija Roberta Metsola, li ġiet nominata mill-Partit Popolari Ewropew, l-EPP, u l-Membru tal-Parlament Ewropew Spanjola, Irene Montero f’isem ix-Xellug.
Biex jiġi elett President tal-Parlament Ewropew, Metosla jew Montero jridu jirbħu b’maġġoranza assoluta, jiġifeiri b’aktar minn nofs.
Peress li għal din il-kariġa hemm żewġ kandidati, il-proċess hemm ċans li jieħu iktar minn dak previst. Fil-fatt, l-elezzjoni tista’ ddum bejn rawnd wieħed u erbgħa, skont jekk tinkisibx il-maġġoranza mill-bidu tal-proċess.
Kull MEP jivvota permezz ta’ vot sigriet.
Is-seduta ta’ dalgħodu nfetħet mill-President Metsola stess, bħalma jgħidu r-regoli tal-proċedura tal-Parlament Ewropew, filwaqt li l-bqija tas-seduta ġiet ppreseduta mill-Viċi President Pina Picierno.
Kemm Metsola kif ukoll Montero kellhom ħames minuti ċans biex jippreżentaw il-proposti tagħhom.
Fl-intervent tagħna, Metsola spjegat li, għalkemm l-Unjoni Ewropea mhux perfetta, il-Parlament Ewopew hu post ta’ opportunità biex il-potenzjal ta’ kull persuna tkompli tikber mingħajr limitu. Hi anke sostniet li l-UE għandha bżonn tmexxija soda quddiem l-isfidi li se tiffaċċja fil-futur.
Min-naħa tagħha, Montero spjegat li ma jistax jerġa’ jkun hemm skandlu ieħor li jtappan l-istituzzjonijiet Ewropej, bħalma kien fl-aħħar snin il-Qatargate. Hi anke tkellmet dwar l-importanza li l-Ewropa tkun simbolu ta’ paċi, fejn irreferiet għal dak li qiegħed jiġri f’Gaza u tenniet li silenzju quddiem dan kollu hu jfisser biss kompliċità ma’ dak kollu li qed iseħħ.
Biex taqra aktar dwar minn huma l-kandidati li qed jikkontestaw għall-elezzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew: