Il-Prim Ministru Robert Abela illum u għada għandu laqgħat fi Tripli, li jibdew b’laqgħat bilaterali kmieni waranofsinhar mal-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid Dbeibeh, fejn id-diskussjonijiet mhux mistennija jiffukaw biss fuq l-immigrazzjoni iżda anki dwar koperazzjoni strateġika li għandha tkompli partikolarment fuq l-enerġija rinnovabbli.
Iż-żewġ Mexxejja mistennija jiffirmaw estensjoni ta’ ftehim iffirmat f’Mejju tal-2020 dwar l-immigrazzjoni. Ftehim li fisser ukoll tnaqqis fil-wasliet ta’ immigranti illegali f’pajjiżna u s-salvataġġ ta’ eluf ta’ persuni fil-baħar Mediterran.
Il-Prim Ministru Malti mistenni wkoll ikollu laqgħa mal-President tal-Kunsill Presidenzjali Libjan Mohamed al-Menfi. Fil-jum tal-Erbgħa, fuq stedina tal-Gvern Libjan, il-Prim Ministru Robert Abela se jindirizza l-Forum dwar l-immigrazzjoni fil-Mediterran li qed jattendu għalih pajjiżi oħra Afrikani u Ewropej, bil-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni, ukoll mistennija tattendi.
Fid-delegazzjoni Maltija hemm il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol.