Illum il-Membri Parlamentari Ewropej il-ġodda se jkunu qed jivvotaw biex jiddeterminaw min se jokkupa l-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew għall-ewwel nofs tal-leġiżlatura l-ġdida, jiġifieri għas-sentejn u nofs li ġejjin.
Fl-ewwel plenarja tal-għaxar leġiżlatura, li qed titlaqqa’ fi Strasburgu, Franza, is-720 Membru Parlamentari Ewropew se jkunu qed jagħżlu bejn il-Membru Parlamentari Ewropew Maltija Roberta Metsola, li diġà serviet fil-kariga fl-aħħar sentejn u nofs, u l-Membru tal-Parlament Ewropew Spanjola Irene Montero.
Din tal-aħħar tressqet mill-grupp politiku tax-Xellug ftit qabel m’għalaq il-proċess li wieħed seta’ japplika bħala kandidat għal President ġdid tal-Parlament Ewropew.
Metsola kienet innominata bħala l-kandidata uffiċjali tal-Grupp tal-Partiti Popolari Ewropej, l-EPP, li wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda reġa’ ġie kkonfermat bħala l-akbar grupp fl-istituzzjoni.
In-nomina tagħha ġiet ikkonfermata wara vot ta’ approvazzjoni mill-Ewroparlamentari tal-EPP f’laqgħa fil-magħluq.
Metsola kienet bdiet tokkupa r-rwol ta’ President tal-Parlament Ewropew mit-18 ta’ Jannar tal-2022 meta dakinhar ġabet il-maġġoranza fost il-Membri Parlamentari Ewropej u għelbet l-isfida minn żewġ kandidati oħrajn.
Montero, min-naħa l-oħra, hi psikologa u membru tal-partit populista tax-xellug Podemos. Bejn Jannar 2020 u Novembru 2023, hi serviet bħala l-Ministru tal-Ugwaljanza ta’ Spanja.
Is-sieħeb ta’ Montero, Pablo Iglesias kien ikkontesta wkoll għal din l-istess kariġa lura fl-2014, madankollu dak iż-żmien tilef kontra Martin Schulz.
F’kitba fuq il-midja soċjali, Montero rringrazzjat lill-kollegi tagħha tal-grupp politiku The Left u qalet li qed tidħol f’din it-tellieqa għal Ewropa ta’ paċi, femminiżmu, drittijiet u, mhux l-inqas, għat-tmiem tal-ġenoċidju fuq il-poplu Palestinjan, għax sostniet li l-ebda bniedem mhu illegali.
Diversi siti internazzjonali qed jirrapportaw li Metsola xorta tibqa’ l-favorita li żżomm il-pożizzjoni, li f’dak il-każ tagħmilha l-ewwel waħda li tilħaq il-Presidenza għat-tieni darba nfila.
Rapporti aġġornati dwar dak kollu li se jkun qed jiġri dirett fi Strasburgu mill-kollegi Francesco Borg u Alex Borg.