Ingliż ta’ 52 sena, residenti f’San Pawl il-Baħar, tilef ħajtu wara li kien involut f’dizgrazzja tat-traffiku, li seħħet għall-ħabta tas-6:00 ta’ filgħaxija, fi Triq il-Katakombi, fis-Salini fil-limiti tan-Naxxar.
Minn informazzjoni li ksibna, jidher li għal xi raġuni r-raġel tilef il-kontroll tal-vettura Ford KA, waqt li kien qed isuq fin-niżla, ħabat ma’ vann li kien ipparkjat fi drive in, ta’ biswit dar fil-qrib, ħabat mal-parapett tagħha, bil-konsegwenza, li l-karozza nqalbet ta’ taħt fuq. Għal xi raġuni, ir-raġel spiċċa maqbud taħt l-istess vettura.
Minnufih, fuq il-post issejħet ambulanza u tim mediku sabiex jagħtu l-ewwel għajnuna, flimkien ma’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li ħarġu lill-vittma minn taħt il-karozza. Minkejja dan, hu kien iċċertifikat mejjet fuq il-post aktarx kawża tad-daqqa li sofra.