B’referenza għal rapport ippubblikat minn Net News il-Ħadd 14 ta’ Lulju, l-Aġenzija Identità ċaħdet b’mod kategoriku li ħarġet eluf ta’ karti tal-identità lil barranin li kienu Malta taħt status irregolari.
Fi stqarrija kkjarifikat u għamlitha ċara li l-karti tal-identità jinħarġu biss lil persuni li għandhom nazzjonalità Maltija. Spjegat kif barranin li jgħixu u jaħdmu f’Malta jingħataw permess jew dokument ta’ residenza, li jirrifletti r-raġuni li għaliha qed jgħixu f’Malta.
L-istqarrija kompliet tgħid li fil-fatt, kien wara investigazzjoni interna mit-Taqsima tal-Compliance u l-Expatriates Unit fi ħdan l-Aġenzija Identità, li l-Aġenzija għaddiet l-informazzjoni, inkluż il-provi kollha misjuba minnha dwar xi individwi, lill-Pulizija ta’ Malta sabiex tkompli bl-investigazzjonijiet u tieħu kwalunkwe azzjoni neċessarja skont il-liġi.
Din l-investigazzjoni kienet instigata wara verifiki interni li jsiru b’mod konsistenti mit-Taqsima tal-Compliance fi ħdan l-istess Aġenzija.
Intqal kif din it-taqsima tinvestiga kwalunkwe suspett li jista’ jinħoloq waqt l-eżerċizzji ta’ verifika mwettqa minnha, jew fuq rapporti li tirċievi, u f’każ li dawn jirriżultaw fondati, tgħaddi l-informazzjoni lill-awtoritajiet konċernati. L-Aġenzija Identità sostniet li ma tittollera l-ebda forma ta’ abbuż jew azzjonijiet li b’xi mod jew ieħor jaffettwaw l-integrità tagħha u l-fiduċja tal-pubbliku fiha.
Għalhekk l-Aġenzija Identità qalet li hi kommessa li tkompli tikkopera bis-sħiħ fl-investigazzjonijiet li qed jitmexxew mill-Pulizija.
Intant temmet tgħid li b’mod proattiv, Identità tinsab għaddejja b’audit komprensiv u tibqa’ kommessa li tinvestiga kwalunkwe suspett li jista’ jinħoloq waqt dawn l-eżerċizzji ta’ verifika mwettqa minnha, jew fuq rapporti li tirċievi fejn f’każ li dawn jirriżultaw fondati, tgħaddi l-informazzjoni kollha neċessarja lill-Korp tal-Pulizija.