Għall-ħdax-il sena konsekuttiva, il-Gvern għadu kif fetaħ l-applikazzjonijiet għall-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC bla ħlas. Dawn il-klassijiet se jibdew fl-24 ta’ Lulju u jtulu għal ħames ġimgħat.
Studenti bejn il-15 u d-29 sena, li kisbu marka ta’ 6, 7, U jew li kienu assenti huma eliġibbli għal dawn il-lezzjonijiet, li jiġu organizzati permezz tal-Youth Gurantee Project iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.
Sa mill-bidu tagħhom, fl-2014, dawn il-klassijiet għenu lil aktar minn 6,000 student u taw riżultati favorevoli.
Dawn il-klassijiet se jiġu offruti fil-Mosta, il-Blata l-Bajda, Raħal Ġdid u r-Rabat, Għawdex, waqt li l-istudenti jistgħu jagħżlu sa massimu ta’ tliet suġġetti, inkluż għażla tax-xjenza. L-istudenti jistgħu japplikaw onlajn fuq is-sit ta’ Jobsplus sal-Ħamis li ġej f’nofsinhar.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb bit-telefown fuq 79534001 jew 79534002, jew mill-paġna ta’ Facebook tal-Youth Guarantee Malta.