Il-Malta Football Coaches Association se torganizza t-tielet edizzjoni tal-MFCA Awards, serata fejn se jiġu ppremjati l-aħjar coaches għall-istaġun 2023/24.
Aktar dettalji ngħataw f’konferenza stampa fejn tkellmu l-president Lawrence Aquilina, il-viċi-president Manuel Micallef u s-segretarju ġenerali Joe Micallef.
Aquilina ħabbar li għal din is-serata se jingħataw 21 unur fejn fost l-oħrajn se jiġu ppremjati coaches li jmexxu timijiet ta’ taħt il-15-il sena, taħt is-17-il sena, youths, nisa u goalkeepers.
Barra minn hekk se jingħataw ukoll l-unuri tal-aqwa coaches fil-Gozo Football League, fl-Amateur League, Challenge League u Premier Division filwaqt li unur tassew speċjali hu dak tal-President’s Award. Żdiedu wkoll unuri oħra fosthom it-tim tas-sena u l-aqwa plejer maskili u femminili.
Il-viċi-president Manuel Micallef qed jistenna li din it-tielet edizzjoni tkompli fuq is-suċċess tal-ewwel waħda bl-għan ewlieni hu li jiġu rikonoxxuti l-coaches li jagħmlu xogħol daqstant fejjiedi f’kull livell tal-futbol Malti.
Finalment is-segretarju ġenerali Joe Micallef sostna li l-MFCA qiegħda hemm għall-coaches fejn f’dawn l-aħħar snin żdiedu ferm il-membri fi ħdan din l-assoċjazzjoni. Hu qal li fejn ikun hemm bżonn, l-MFCA tagħti l-għajnuna kollha meħtieġa meta jkun hemm xi problemi li jinqalgħu bejn il-coaches u l-klabbs. Hu temm jgħid li sar ħafna xogħol sabiex din is-serata tkun suċċess.
L-MFCA Awards se jsiru fis-Sala tal-Istadium Ċentinarju nhar l-Erbgħa 17 ta’ Lulju fis-7.30pm.