Eluf ta’ studenti rċevew ir-riżultati għall-eżamijiet taċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja, magħrufa bħala s-SEC u tal-Matrikola.
L-uffiċċju tal-MATSEC fl-Università ta’ Malta kien irċieva ħamest elef, mitejn u erbgħa u disgħin applikazzjoni mingħand studenti għal numru ta’ eżamijiet tas-SEC u tliet elef, sitt mija u tmienja u sittin applikazzjoni minn studenti għall-eżamijiet tal-Matrikola.
Kien proprju t-Tnejn filgħodu li eluf ta’ studenti bdew jirċievu r-riżultati ta’ dawn l-eżamijiet permezz ta’ SMSs, waqt li t-Tlieta dawn mistennija wkoll jaslulhom bil-posta.
Mill-istatistika maħruġa mill-Uffiċċju tal-MATSEC, jirriżulta li mill-eżamijiet tas-SEC, is-suġġett tal-Malti ra tliet elef, disgħa mija, tmienja u sittin applikazzjoni.
Minn dawn, elfejn, ħames mija u tlieta u erbgħin ġabu marka minn wieħed sa ħamsa, jiġifieri ftit aktar minn erbgħa u sittin fil-mija ta’ dawk kollha li qagħdu għal dan l-eżami.
L-akbar ammonti kienu dawk b’marka ta’ erbgħa u tlieta, b’aktar minn tmin mija u b’iżjed minn ħames mija u ħamsin rispettivament.
Dan filwaqt li l-Ingliż, ra numru konsiderevoli ta’ applikazzjonijiet, aktar mill-Malti, li ammontaw għal erbat elef, ħames mija u dsatax-il applikazzjoni. Mir-riżultati, l-akbar ammonti ta’ marki passabbli kienu dawk f’livell tlieta u ħamsa.
Is-suġġett tal-Fiżika, ra tliet elef, tliet mija u tlieta u disgħin applikazzjoni, filwaqt li s-suġġett tal-Matematika kellu erbat elef, sitt mija u tnejn u għoxrin applikazzjoni. Fiż-żewġ suġġetti, l-akbar ammonti ta’ riżultati favorevoli kienu dawk f’livell erbgħa.
Għall-eżamijiet tal-Matrikola, l-Uffiċċju tal-MATSEC irċieva tlett elef, sitt mija u tmienja u sittin applikazzjoni maqsumin fuq numru ta’ suġġetti fuq Livell Avvanzat u Livell Intermedjarju.
Sadanittant ġew ippubblikati wkoll l-applikazzjonijiet għar-resits u għar-reviżjoni tal-karti tal-eżami.