Sal-lum, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun irċeviet 780 applikazzjoni għal rifużjoni tal-mediċini tal-IVF minn ġenituri prospettivi li għamlu l-proċeduri fl-Assisted Reproductive Technology Clinic tal-isptar Mater Dei.
Wara li tħabbret l-estensjoni f’April li għadda għall-kliniċi privati ukoll, l-Awtorità irċeviet 84 applikazzjoni oħra, biex b’hekk ipproċessat 864 applikazzjoni ta’ rifużjoni tal-mediċini tal-IVF.
Dawn iċ-ċifri ġew ippublikat mill-gazzetta KullĦadd, bil-Kap Eżekuttiv ta’ din l-awtorità Simone Attard tgħid kif il-valur monetarju ta’ dawn ir-rifużjonijiet jammonta għal miljuni ta’ ewro.
Fil-fatt sa issa l-applikazzjonijiet li l-Awtorità rċeviet mill-isptar Mater Dei jammontaw għal €1,229,566.45, filwaqt li dawk li l-Awtorità rċeviet mill-kliniċi privati, inklużi dawk li joffru Intrauterine insemination biss, jammontaw għal €236,043.52.
Dan ifisser li sa issa r-rifużjoni ta’ mediċini tal-proċeduri medikament assistiti jammonta għal €1,465,609.97.
Simone Attard qalet ukoll li fis-sitt xhur li ġejjin, b’effett mill-1 ta’ Awwissu li ġej, il-Gvern se jkun qed jinvesti €6 miljun oħra sabiex dawk il-ġenituri prospettivi li qed jistennew fuq il-waiting list tal-isptar Mater Dei jingħataw is-servizz fil-privat, sakemm il-klinika tal-isptar Mater Dei tkun qed tiġi rranġata.
Dawn il-proċeduri se jsiru kollha bl-approvazzjoni tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun u se jitħallsu direttament mill-Gvern.
Sadanittant fi stqarrija li ħarġet ftit jiem ilu u anke kif innutat mill-gazzetta KullĦadd, il-Ministeru għas-Saħħa qal li l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun se tkun qed tiġbor informazzjoni ta’ ġenituri prospettivi li għamlu t-trattament ta’ prokreazzjoni medikament assistita barra minn Malta, kemm dawk li għamlu t-trattament minn Jannar 2023 ’l quddiem, kif ukoll qabel.
Għalhekk, dawn għandhom jikkuntattjaw lill-Awtorità fuq in-numru tat-telefown 25951650.