“Hekk kif il-pajjiż mexa ’il quddiem nemmen li rridu ntellgħu l-istandards ’il fuq.”
Hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed iwieġeb numru ta’ mistoqsijiet tal-pubbliku ġewwa l-uffiċini tal-Malta Daily.
Fil-fatt, Dr Abela ddikjara dan hekk kif ġie mistoqsi dwar il-bżonn li ħaddiema barranin f’pajjiżna jkunu jafu jitkellmu bil-Malti.
Hawn il-Prim Ministru sostna kif fil-fatt, tlesta l-ewwel kors tal-Malti għall-ħaddiema barranin li jaħdmu fl-Isptar San Vinċenz de Paul.
“Għandek l-ewwel kors li diġà ntemm u allura għandek ħaddiema barranin li iva għandhom għarfien tal-lingwa Maltija. Ngħaqqad dan umbagħad biex nimxi għal settur ieħor li huwa dak tal-ospitalità tagħna, li jmiss mas-settur tat-turiżmu wkoll. Hemmhekk ukoll introduċejna l-iskills pass.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela indirizza wkoll ir-riforma tal-BCRS fejn filwaqt li sostna l-importanza tagħha, irrikonoxxa l-bżonn li din tkompli titjieb.
“Li nista’ ngħid bħalissa għaddejjin f’diskussjonijiet intensivi ma’ min imexxi l-iskema tal-BCRS biex filwaqt li nżommu l-benefiċċji b’saħħithom li toffri din is-sistema, fl-istess waqt umbagħad is-sistema trid tiġi aktar effiċċjenti u nirrikonoxxi iva li s-sistema trid taħdem b’mod iktar effiċjenti. Nafu x’inhuma l-ineffiċjenzi fis-sistema, smajna mingħand ħafna u ħafna nies li tkellmu magħna u nemmen li s-soluzzjonijiet hemmhekk jistgħu jinstabu. Jinstabu wkoll fi żmien li jkun wieħed relattivament qarib.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Madankollu l-Prim Ministru spjega kif grazzi għall-isforzi tal-poplu li tmur id f’id mal-ħidma tal-Gvern fl-aħħar xhur, l-iskart imħallat naqas bi tletin fil-mija.
Riforma oħra kuraġġjuża li ndirizza Dr Abela kienet dik dwar l-introduzzjoni tal-Ewtansja, li fil-manifest tal-Partit Laburista hemm wegħda ċara favur id-diskussjoni tagħha.
“Hemm wegħda ċara li dan huwa suġġett li rridu niddiskutuh u nemmen ukoll li f’din it-tieni parti tal-leġislatura din id-diskussjoni trid issir b’mod strutturat fejn primarjament inħallu lis-soċjetà ċivili tmexxi ’l quddiem dik id-diskussjoni. Ma nemminx li għandha tkun tema ddominata mill-politiċi għaliex wisq nibża’ li tiġi polarizzata jew politiċizzata u titlef mill-importanza tal-kontenut tagħha.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela sostna wkoll kif jikkumplimenta din id-diskussjoni, il-Gvern investa bil-kbir fil-kura paljattiva flimkien ma’ Hospice Malta.
Intant il-Prim Ministru sostna l-importanza ta’ riformi favur id-dilezzji tal-Maltin u l-Għawdxin fosthom dak tal-camping. Hawn il-Prim Ministru aċċenna għall-avviż legali li ġie ppreżentat fil-Parlament ftit tal-jiem ilu li permezz tiegħu persuni li għandhom karavan jew camper iridu jipprovdu notifika sempliċi lill-Kunsill Lokali konċernat dwar fejn dan se jkun qed jitpoġġa fuq ħlas ta’ miżata żgħira. Kartanzjan se jkunu qed iħallsu biss 50 ċentenżmu kuljum.
Madankollu l-Prim Ministru ma waqafx hawn.
“Nemmen ukoll li f’pajjiżna rridu noħolqu dak il-camp sites ġodda b’żieda ma’ dawk tal-Mellieħa u dak tan-Naxxar, nagħtu l-faċilitajiet, ilma, sanitarji biex dak li jkun, ikun jista’ jgawdi dan id-delizzju b’dan l-aqwa mod u nemmen ukoll li dan huwa wkoll il-mod korrett ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet f’dan il-pajjiż.”
Il-Prim Ministru Robert Abela