Il-Maltin huma fost l-aktar popli minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li qegħdin jgħixu fit-tul. Dan ħareġ minn ċifri tal-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Minn dawn iċ-ċifri joħroġ kif pajjiżna għandu t-tielet l-akbar rata minn fost is-27 Stat membru tal-Unjoni Ewropea.
B’dan ifisser li l-Maltin qegħdin jgħixu aktar, f’dik li hi magħrufa bħala life expectancy.
Is-sena l-oħra, l-età medja tal-Maltin kemm jgħixu kienet ta’ aktar minn 83 sena.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li l-età medja ta’ kemm jgħixu l-Maltin hi ferm aqwa mill-età medja ta’ kemm jgħixu n-nies fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li hi ta’ aktar minn wieħed u tmenin sena. Hawnhekk ir-rata ta’ pajjiżna taqbeż il-medja Ewropea b’sentejn.
Minn dawn iċ-ċifri tal-Eurostat ħareġ ukoll li s-sena l-oħra, l-età medja ta’ kemm jgħixu n-nies f’pajjiżna żdiedu b’sena, meta mqabbel mar-rata ta’ sena qabel.
Skont il-Eurostat ħareġ ukoll li l-aktar pajjiżi Ewropej li għandhom l-ogħla rata medja ta’ età u għalhekk huma qabel pajjiżna huma: Spanja u l-Italja. Warajhom hemm Malta, bħala t-tielet l-aktar pajjiż li fih jgħixu n-nies minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Minn dawn iċ-ċifri Ewropej joħroġ ukoll kif l-età medja tal-Maltin tiżboq pajjiżi akbar minnha, fosthom l-Iżvezja, Franza, l-Olanda u l-Ġermanja. B’dan tal-aħħar jinsab eżatt wara l-medja Ewropea, hekk kif l-età medja tan-nies f’dan il-pajjiż jgħixu sa ftit aktar minn 81 sena.
Saħansitra mbagħad hemm dawk il-pajjiżi li l-età medja ta’ kemm jgħixu hi ta’ inqas minn tmenin sena. Bl-aħħar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li huma kklasifikati f’din l-istatistika huma l-Bulgarija, il-Latvja u r-Rumanija.
Dawn iċ-ċifri tal-Eurostat jikkonfermaw kemm is-sistema tas-saħħa f’pajjiżna hi robusta, anki b’fatturi bl-għoti tal-mediċini b’xejn.