Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, ħabbar sett ta’ regolamenti ġodda li, permezz tagħhom, se jkompli jissaħħaħ is-settur ferm kruċjali tal-agrikoltura f’pajjiżna. Dawn ir-regolamenti huma r-Regolamenti tal-2024 dwar il-Kategorizzazzjoni tal-Bdiewa.
L-għan tar-regoli, li huma wkoll konformi mal-Politika Agrikola Nazzjonali u jikkumplimentaw ir-Riforma tal-Art Agrikola, hu li joħolqu kategoriji ta’ ażjendi agrikoli u jikkategorizzaw lill-bdiewa, skont l-attività ekonomika tagħhom.
Id-Direttur għall-Agrikoltura, Marco Dimech, spjega li permezz ta’ dawn ir-regolamenti se jiġi pprovdut qafas legali għall-ażjendi agrikoli kummerċjali biex jiġu identifikati f’kategoriji differenti, skont l-introjtu annwali tagħhom, li jiġi kkalkulat abbażi tad-daqs tal-ażjenda agrikola u tal-outputs standard applikabbli għalihom.
“Għaliex dan? Dan ħa jkun jista’ jgħin lid-Dipartiment u anke lill-Ministeru u anke entitajiet oħrajn fil-Gvern, biex jiġu mfasslin policies li jolqtu direttament lil dawn il-kategoriji speċifiċi tal-bdiewa.”
Waqt it-tnedija, il-Ministru Refalo stqarr li punt importanti ta’ dawn ir-regolamenti hu li din il-kategorizzazzjoni se sservi bħala għodda biex wieħed jifhem aħjar is-settur agrikolu u jiġu identifikati u indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tiegħu.
Qal li din l-għodda se tipprovdi wkoll viżibilità aħjar tas-settur agrikolu għal dawk li jfasslu l-politika biex jinħarġu skemi u policies aktar b’saħħithom u ffokati.
Żied jgħid li dawn ir-regolamenti se jkunu kruċjali għas-sostenibbiltà tas-settur, anke biex jimxi id f’id ma’ riformi u inizjattivi maħruġa mill-Gvern fis-snin u x-xhur li għaddew.
Tenna li, għalhekk, din hi konferma oħra li l-Gvern se jibqa’ jibni u jsaħħaħ dan is-settur kruċjali.
“Din il-wegħda setgħet issir proprju, għax qabel għamilna diversi riformi li bihom aħna, il-bidwi u r-raħħal qegħdin inġibulu l-ħajja tiegħu ’l quddiem. Qegħdin nagħmlu sett ta’ regolamenti li bihom qegħdin nagħmlu enfażi fuq il-kunċett ta’ bidwi attiv. Dan hu importanti, għax importanti li l-biedja f’pajjiżna tkun sostenibbli.”
Aktar tagħrif jista’ jinkiseb b’imejl fuq agripolicy.mafa@gov.mt.