Wirja qalbiena ma kinitx biżżejjed għat-tim nazzjonali Malti tan-nisa meta safa megħlub bl-iskor minimu ta’ 2-0 mill-Irlanda ta’ Fuq, biż-żewġ goals għall-Irlandiżi jaslu wieħed f’kull taqsima. B’hekk, il-Maltin baqgħu ankrati fil-qiegħ tal-klassifika b’punt wieħed biss li kien ġie miksub proprju kontra l-Irlanda ta’ Fuq barra minn darna. Ta’ nota huwa l-fatt li dan kien l-aħħar impenn għat-tim nazzjonali Malti minn dan il-Grupp B3 ġewwa pajjiżna.
Rimarkabbli li qabel din il-partita il-player u captain ta’ Birkirkara Stephania Farrugia ġiet ippreżentata bi flokk kommemorattiv u bukkett fjuri mis-Segretarju Ġenerali tal-MFA, Dr Angelo Chetcuti, u mill-Kap tad-Dipartiment tal-Futbol tan-Nisa fi ħdan l-MFA, Pierre Brincat, fl-okkażjoni tal-100 partita għaliha bil-flokk tat-tim nazzjonali Malti kontra l-Bosnja-Herżegovina fil-31 ta’ Mejju li għadda.
Kienu l-Maltin li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss żewġ minuti, l-iskorer prolifiku Haley Bugeja kellha t-tentattiv tagħha minn pożizzjoni ideali jistampa mal-wieqfa, bl-Irlandiżi jeħilsuha ħafif.
Minuta biss wara Maria Farrugia għal pajjiżna kellha x-xutt tagħha salvat tajjeb mill-goalkeeper Irlandiża, Jacqueline Burns.
Il-Maltin komplew jippressaw u fil-ħames minuta daqqa ta’ ras ta’ Kailey Willis ġiet salvata tajjeb mill-istess Burns.
Iżda kontra x-xejra tal-logħob kienu l-Irlandizi li fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu fid-disa’ minuta meta l-captain Emma Lipman għaddiet pass lura fid-direzzjoni tal-goalkeeper Patricia Ebejer iżda din inqabdet barra minn postha bil-ballun jibqa’ dieħel ġewwa biex b’hekk irriżulta auto-goal sfortunat.
Malta rreaġixxiet tajjeb u fis-16-il minuta Haley Bugeja qabżet tajjeb difensur Irlandiża iżda kellha x-xutt tagħa mblukkat mid-difiża avversarja.
L-Irlanda ta’ Fuq resqu viċin li jirduppjaw l-iskor fit-38 minuta meta wara li rċeviet minn azzjoni ta’ freekick, Rachel Dugdale, kellha d-daqqa ta’ ras mill-viċin tagħha salvata bi bravura minn Ebejer.
Il-Maltin wieġbu erba’ minuti wara permezz ta’ freekick insidjuż ta’ Ann-Marie Said li għadda ftit għoli.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, l-Irlandiżi ħarġu ferm aggressivi u fit-52 minuta Keri Halladay, kellha t-tentattiv tagħha salvat minn mal-art minn Ebejer.
Huma komplew fuq l-offensiva u sitt minuti wara kienu sfortunati li ma rduppjawx l-iskor meta daqqa ta’ ras ta’ Laura Rafferty ħabtet mal-mimduda qabel intemmet barra.
Il-Maltin wieġbu mill-azzjoni li segwiet minuta biss wara meta Kailey Willis qabdet lil Burns barra minn postha u ttantat xortiha permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda ntemm barra.
Il-Maltin bdew isforu ħafna l-inizjattiva tal-Irlanda u fit-80 minuta sofrew it-tieni goal meta wara li rċeviet cross mil-lemin, KERRY BEATTIE, permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tefgħet ġewwa.
L-Irlandiżi komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Cansu Tryak (Turkija)
Ritratt: Craig Camilleri